Futbol Sport

Sevilla jirbħu l-Europa League għas-seba’ darba

(Ritratt: EPA)

Sevilla rebħu l-UEFA Europa League għas-seba’ darba fl-istorja tagħhom, l-iktar tim li rebaħ din il-kompetizzjoni, meta fil-finali għelbu lil Roma 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita ntemmet 1-1 sal-120 minuta. Din kienet l-ewwel finali Ewropeja li l-kowċ ta’ Roma Jose Mourinho tilef fil-karriera tiegħu.

Roma fil-vantaġġ wara 35 minuta meta minn pass tajjeb ta’ Gianluca Mancini kien Paulo Dybala li minkejja ma kienx 100% minħabba injury li qed isofri għeleb lil Bonu għal 1-0.

Fit-tieni taqsima, Sevilla ħarġu aktar fuq l-offensiva u l-pressjoni fuq id-difiża ta’ Roma waslet biex f’tentattiv li jbiegħed il-periklu, Gianluca Mancini spiċċa xeħet fix-xibka tiegħu stess għal 1-1.

Fis-76 minuta, Sevilla ħasbu li kellhom penalty meta Roger Ibanez waqqa lil Lucas Ocampos fil-kaxxa iżda r-referee wara li kkonsulta mal-VAR bidel id-deċiżjoni tiegħu. Lejn it-tmiem, Roma kellhom ċans imorru fil-vantaġġ iżda s-sostitut Andrea Belotti ra l-konklużjoni tiegħu salvata b’mod tajjeb minn Bonu. Bil-partita tibqa’ 1-1 sad-90 minuta, il-konfront kellu jmur għall-ħin barrani, biż-żewġ timijiet jkunu aktar kawti sabiex ma jsofrux il-gowl bil-partita tibqa’ fi draw sal-120 minuta.

Fl-għoti tal-penalties, għal Roma skorja Cristante, filwaqt li fallew l-penalties Gianluca Mancini, u Roger Ibanez. Għal Sevilla minn naħa l-oħra skorjaw Lucas Ocampos, Erik Lamela, Ivan Rakitic u Gonzalo Montiel, biex b’hekk Sevilla rebħu bl-iskor ta’ 4-1.