Internazzjonali

Stati Uniti: Mike Pence jisfida lil Donald Trump għall-kandidatura Repubblikana

It-tellieqa għall-konferma tal-kandidat li se jirrappreżenta lill-Partit Repubblikan fl-elezzjoni tal-2024 għall-White House issa daħlet f’fażi sinifikanti – fost konferma li l-eks Viċi-President Amerikan Mike Pence se jkun qed jikkuntesta għal din in-nomina.

U filwaqt li Pence mistenni jagħti sfida denja lill-eks-President Amerikan Donald Trump – li hu l-favorit għan-nomina tar-Repubblikani – wieħed ma jeskludix il-kredenzjali ta’ Chris Christie, l-eks Gvernatur ta’ New Jersey, li wkoll ikkonferma s-sehem f’din it-tellieqa.

L-aħħar żviluppi, fil-fatt, ma niżlux daqstant tajjeb fost l-attivisti fil-kamp ta’ Donald Trump li issa qed jistenna sfida ħafna aktar diffiċli minn qabel. Mistenni wkoll li t-tellieqa għan-nomina għandha tqajjem mhux ftit tat-tensjoni bejn dawn il-kandidati – u fejn huma mgħandhomx  iżommu lura mill-kummenti dispreġjattivi dwar il-kwalitajiet rispettivi.

Il-kandidat magħżul, f’Novembru tal-2024, għandu jisfida direttament lill-President Joe Biden tal-Istati Uniti li qed jirrappreżenta lill-Partit Demokratiku fil-Gvern.