Ekonomija Lokali

Survey jikkonferma li t-traffiku u l-għoli tal-ħajja l-iżjed li qed iħassbu lill-Maltin

Is-sitwazzjoni tat-traffiku u l-għoli tal-ħajja huma iż-żewġ affarijiet li bħalissa l-iżjed li qed iħassbu lill-Maltin skond l-aktar stħarriġ riċenti li għadha kemm wettqet misco ‘X’qed iħasseb lill-Maltin’, studju maħsub sabiex jistħarreġ x’inhuma l-iżjed aspetti li l-iżjed qed jinkwetaw lill-pubbliku bħalissa.

87% esprimew tħassib dwar it-traffiku, 83% jinsabu mħassba dwar l-għoli tal-ħajja, 80% qalu li jinsabu mħassba dwar il-kostruzzjoni, 72% dwar l-ambjent filwaqt li 71% qalu li huma mħassba jew imħassba mhux ħażin dwar il-korruzzjoni.

Is-suġġetti mistħarrġa f’dan l-istudju ħarġu minn stħarriġ differenti li kien sar fl-imgħoddi dwar x’inhuma l-problemi li qed taffaċċja Malta u x’qed jaffaċċja il-pubbliku.

L-istħarriġ, li sar bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju, sab ukoll kif 43% ta’ dawk li rrispondew, jinsabu mħassbin ħafna jew imħassba mux ħażin dwar il-qasam tas-saħħa f’Malta filwaqt li 45% huma mħassba dwar il-qasam tal-edukazzjoni tal-pajjiż.

“Ħarsa iżjed fil-fond lejn l-informazzjoni li ġbarna f’termini ta’ ġeneru, urietna li t-tħassib dwar is-settur tas-saħħa u t-traffiku huwa simili ħafna fost l-irġiel u fost in-nisa. Min-naħa l-oħra, it-tħassib tan-nisa dwar l-edukazzjoni, il-kostruzzjoni, l-ambjent, l-għoli tal-ħajja u l-korruzzjoni huwa ogħla mit-tħassib fost l-irġiel,” spjega Lawrence Zammit, fundatur u direttur ta’ misco.

“Barra minhekk, jekk inħarsu lejn l-istudju f’termini ta’ età, insibu li persuni taħt il-35 sena urew iżjed tħassib dwar il-kostruzzjoni, l-ambjent, l-għoli tal-ħajja, il-korruzzjoni u l-edukazzjoni minn persuni akbar fl-età. Rigward is-saħħa u it-traffiku, il-livell ta’ tħassib kien l-istess bħal dak fost persuni akbar fl-età.”

Dan l-istħarriġ sar fost għażla għall-għarrieda ta’ 401 persuna. L-intervisti saru permezz tat-telefon u kull min ħa sehem, intagħżel bl-użu tal-metodoloġija random digit dialling.

Id-data miġbura kienet analizzata f’termini ta’ età, ġeneru u reġjun. Ir-riżultati ġew “weighted” skont il-popolazzjoni f’Malta. Il-kampjun ta’ 401 rispondent jipprovdi margin of error ta’ bejn +/- 5%.