Knisja Lokali

Tispikka l-ġenerożità taż-Żrieraq fir-restawr tal-knisja

Il-poplu taż-Żurrieq għandu ferm għal qalbu l-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina … u r-restawr li qed isir huwa frott ħidma ta’ passjoni, devozzjoni u entużjażmu.

Dan intqal il-Ħamis filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-knisja taż-Żurrieq, indirizzata mill-Arċipriet Daniel Cardona kif ukoll il-Perit Daniel Darmanin – illi spjegaw il-ħidma li qed issir fil-koppla maġġuri tal-knisja.

Ix-xogħol mistenni jieħu madwar sena u għaldaqstant  se jitlesta f’Mejju tal-2024; bir-restawr tas-saqaf minn ġewwa u barra.

Il-perit Darmanin spjega li l-għan wara dan ir-restawr huwa li titnaqqas il-problema ta’ dħul ta’ ilma fis-saqaf, wieħed mill-kawżi tal-ħsara.

Huwa spjega wkoll li l-ħidma se tkun waħda li tħares ukoll ‘il quddiem għal kwalunkwe żvilupp tekonoloġiku sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom faċilità ta’ restawr.

L-Arċipriet Daniel Cardona semma’ l-ġenerożità enormi mhux biss tal-voluntiera, inkluż il-perit Darmanin, iż-żgħażagħ voluntiera li għenu sabiex jittellgħu t-travi ta’ madwar 600Kg–il waħda iżda wkoll l-ġabra ta’ €30,000 mill-poplu Żurrieqi – nofs is-somma kumplessiva li din il-ħidma se tiġi tiswa.

Dan filwaqt li spjega li l-pitturi se jkunu qed jiġu impittra mill-ġdid mill-artist Għawdxi Emmanuel Farrugia – il-pitturi ta’ San Ġwann, Sant’ Andrija, San Pawl u San Pietru.

Huwa  insista  li tali xogħol se jkun qed jitgawda miż-Żrieraq – grazzi għal ħidma u ġenerożità tagħhom ilkoll.