Lokali

“Waqt li jkomplu jitħanżru huma lilek iħalluk tfendi għal rasek” – Bernard Grech

“Waqt li qed ikollna nassistu għal allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni kuljum, lilek ma jitkażawx li jħalluk tfendi għal rasek u ma jimpurtahomx jekk hux qed ikollok tagħmel aktar minn job wieħed biex forsi tlaħħaq mal-ħajja, ma jimpurtahomx jekk l-anzjani humiex iwasslu sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni tagħhom. Għalhekk wasal iż-żmien li aktar nies jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista u jsaħħuh bl-appoġġ tagħhom biex nibdlu d-direzzjoni li ħadu ’l-pajjiż fiha Robert Abela u sħabu matul dawn l-aħħar snin.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta lbieraħ kien intervistat minn Robert Cremona waqt il-programm Net Live.

Hu rrefera għall-aħħar allegazzjoni serja ta’ korruzzjoni meta ġurnal barrani rrapporta li Carmen Ciantar, ir-right hand tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, kienet irċeviet aktar minn €440,000 mill-grupp Vitals Global Healthcare, il-kumpanija involuta fl-ikbar skandlu fl-istorja ta’ pajjiżna fid-deal korrott tal-isptarijiet Maltin.

Bernard Grech fakkar li Carmen Ciantar kienet qrib il-Ministru Chris Fearne tassistih f’kull deċiżjoni li jieħu u sostna li jixtieq ma jemminx li din l-allegazzjoni tant gravi seħħet tassew.

Hu wera d-diżappunt tiegħu – u tal-kumplament tal-poplu Malti – li quddiem allegazzjonijiet u skandli bħal dawn il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jibqa’ ma jaġixxix, kif ma aġixxiex lanqas wara s-sentenza storika tal-Qorti li kkonkludiet li l-ftehim tal-Gvern Malti fil-bejgħ ta’ tliet sptarijiet kien wieħed frawdolenti.

Hu fakkar li dan il-ftehim kien serqa kbira lill-poplu Malti, imma serqa bil-kompliċità ta’ Robert Abela u Chris Fearne li baqgħu jiddefendu dan il-ftehim kemm fil-Parlament u barra. Serqa bil-kompliċità wkoll tal-Ministri Konrad Mizzi, u tal-Ministri tal-Finanzi Edward Scicluna u Clyde Caruana li minkejja li kienu jafu li l-ftehim ma kienx qed ikun rispettat, baqgħu jsostnu lil Steward u Vitals bi flus il-poplu.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-għoli tal-ħajja, li sejħilha pjaga li qed tolqot lil kulħadd minbarra lil Robert Abela li tħanżer kemm felaħ bi €17,000 fix-xahar minn flus il-poplu jew lil Joseph Muscat li daħħal il-mijiet ta’ eluf bit-taparsi konsulenzi tiegħu. L-għoli tal-ħajja ma jaffettwax nies bħal dawn imma jaffettwa bil-kbir lil min jaqlagħha u jikolha, lill-pensjonant li jkollu jgħix b’pensjoni miżera u lil dawk il-familji li kultant ikollhom jiċċaħħdu anki minn affarijiet essenzjali, inkluż mediċini, biex il-paga twassalhom sal-aħħar tax-xahar.

Hu qal li quddiem il-prezzijiet jogħlew ta’ kuljum, Robert Abela jibqa’ insensittiv u ma jagħmel xejn għax jinsab mifxul bil-problemi interni li qed ikollu jiffaċċja. “Aħna tajnieh is-soluzzjonijiet biex nikkumbattu l-għoli tal-ħajja, imma hu lanqas biss irid jikkunsidrahom. Ma jimpurtahx minnek. Hu għaddej tajjeb u lilek abbandunak.”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit tal-ambjent. Waqt li fakkar li anki fuq dan is-settur il-PN ħareġ bi proposti serji u hekk se jkompli jagħmel fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. “Irridu li l-ambjent mhux biss jissemma fil-Kostituzzjoni imma wara konsultazzjoni pubblika nintroduċu l-ambjent bħala dritt fundamentali tal-bniedem fil-Kostituzzjoni.”

Lejn tmiem l-intervista l-Kap tal-PN faħħar l-impenn tal-atleti Maltin li bħalissa qed jonorawna bis-suċċessi tagħhom waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Hu qal li mhux biss mar iżur il-kontinġent Malti imma attenda wkoll għal xi logħob u ħa gost jinnota tfal u żgħażagħ b’aspirazzjonijiet li ’l quddiem għad ikunu huma li jirrrappreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet bħal dawn.

Fl-aħħar nett Bernard Grech appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex nhar il-Ħadd ikunu ġenerużi mal-Partit Nazzjonalista u jagħtu l-appoġġ tagħhom wara il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li se tkun qed tgħin lill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jissaħħaħ. “Il-preżenza u d-donazzjoni tiegħek nhar il-Ħadd se tgħinna nwettqu l-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn.”