Lokali Saħħa

Dan huwa l-post fejn tpoġġew l-anzjani li tneħħew minn Boffa

L-anzjani li din il-ġimgħa inħarġu b’urġenza mill-Isptar Boffa spiċċaw tpoġġew fil-canteen ta’ Mater Dei, illi issa inbidel f’ward għall-pazjenti – imsejjaħ MIU6.

Dan ir-ritratt juri l-post fil-canteen tal-isptar fejn qed jinżammu dawn l-anzjani; post li issa inbidel f’sala permanenti.

F’dan il-ward għad mhemmx siġġijiet u lanqas pultruni. Dan apparti li l-anzjani lanqas għandhom fejn jieklu.

Kien jumejn ilu meta Net News żvela illi madwar 20 anzjan ġew kostretti jiċċaqalqu mill-Isptar Boffa għall-isptar Mater Dei b’mod urġenti. Bil-qraba ta’ dawn l-anzjani ma jingħataw ebda raġuni għal dawn it-trasferimenti.

Għalkemm sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-anzjani kellhom jinħarġu minħabba li żviluppaw ħsarat fis-soqfa tal-Isptar Boffa – sptar li l-Gvern ilu snin ma jinvesti fih.

Il-kwistjoni kollha kienet tirrigwardja s-Sala ‘Sardinella’ fejn jinżammu anzjani illi jkunu qed jistennew post f’Dar tal-Anzjani.

Qarib ta’ aznjan illi tkellem ma’ dan is-sit spjegalna li ħadd ma tah raġuni għal dan it-trasferiment. U meta mar ħdejn missieru kienu diġa’ qabdu u ġabru l-affarijiet personali tiegħu.

Persuna oħra qaltilna li lil dawn l-anzjani wegħduhom li xahar ieħor se jsibulhom home. Iżda ħafna mill-qraba għandhom dubji kbar.

Intant, meta huma għamlu kuntatt mal-Ministeru tas-Saħħa il-customer care qed jgħidu li ma jafu b’xejn.