Futbol Sport

Fiorentina jagħlqu l-impenji fis-Serie A b’rebħa fuq Sassuolo

Fiorentina għalqu l-impenji tagħhom fis-Serie A b’rebħa fuq Sassuolo ta’ 1-3 fil-Mapei Stadium.

Il Viola stennew sal-bidu tat-tieni taqsima biex jiftħu l-iskor permezz tal-attakkant Brażiljan Arthur Cabral li sab ix-xibka minn żball tal-goalkeeper Russo.

Sassuolo rnexxielhom jiksbu d-draw waara 71 minuta logħob permezz tat-talisman tagħhom Domenico  Berardi minn penalty li wasal minn handsball ta’ Cabral.

Fiorentina marru fil-vantaġġ għat-tieni darba fil-partita fid-79 minuta permezz ta’ gowl mill-isbaħ mill-midfielder avvanzat Riccardo Saponara li sab ix-xibka b’konklużjoni b’saħħita u xeħet fir-rokna leminija ta’ fuq.

Fil-81 minuta l-isfortuna ta’ Sassuolo kompliet tikber hekk kif id-difensur Ruan intwera t-tieni karta safra tiegħu u b’hekk in-Neroverdi spiċċaw jilgħabu b’għaxra.

Ftit minuti wara Fiorentina għalqu l-partita b’gowl minn Nico Gonzalez minn kross ta’ Saponara.

Fiorentina se jilgħabu l-aħħar partita tal-istaġun tagħhom fil-finali tal-UEFA Europa Conference League kontra West Ham United fis-7 ta’ Ġunju fid-9:00pm fil-Fortuna Arena f’Praga.

Riżultati u logħob:

Illum: Sassuolo v Fiorentina 1-3
Għada: Torino v Inter 6:30pm, Cremonese v Salernitana 9:00pm, Empoli v Lazio 9:00pm
Il-Ħadd: Napoli v Sampdoria 6:30pm, Milan v Hellas Verona 9:00pm, Atalanta v Monza 9:00pm, Lecce v Bologna 9:00pm, Roma v Spezia 9:00pm, Udinese v Juventus 9:00pm