Fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, għadhom kemm bdew il-finali ta’ numru ta’ kompetizzjonijiet tal-għawm u Malta diġa’ rebħet l-ewwel midalja tad-deheb fil-ġurnata f’dan l-isport. L-għawwiema li twieldet fl-Awstralja u f’din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi qed tikkompeti għal Malta, Georgia Kate Bohl temmet l-ewwel fil-finali tal-50 metru breaststroke tan-nisa, biex b’hekk rebħet il-midalja tad-deheb. B’kollox Bohl s’issa rebħet erba’ midalji f’dawn il-logħob, fejn apparti ż-żewġ midalji tad-deheb, hi rebħet ukoll fidda u bronz matul din il-ġimgħa, f’żewġ kompetizzjonijiet separati.
Bohl irreġistrat ħin ta’ 32.04 sekondi u b’hekk rebħet it-tieni midalja tad-deheb għal Malta f’din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Maltija oħra, Amy Micallef spiċċat fit-tmien post ta’ din il-finali f’ħin ta’ 35.08 sekondi.
It-total ta’ midalji tad-deheb li rebħet Malta s’issa f’dawn il-logħob, wara din ir-rebħa ta’ Bohl, hu dak ta’ 25 midalja tad-deheb.
//= $special ?>