GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 | L-aqwa edizzjoni għall-isport Malti bla preċedent. Għalfejn?

Janet Richard (ritratt ta' Matthew Tabone)

Il-ġurnalist sportiv u Kap tat-taqsima sport ta’ Net Television, Christian Micallef jaqsam ftit ħsibijiet dwar is-suċċess li qed tikseb Malta wara l-ewwel erba’ t’ijiem tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’pajjiżna.

Matul ir-raba’ ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qed isiru f’pajjiżna f’dawn il-jiem, Malta kompliet iżżid fl-ammont ta’ midalji mirbuħa. Illum Malta rebħet 17-il midalja oħra, b’tmienja minnhom ikunu tad-deheb.

Għaldaqstant jekk il-bieraħ, bir-rebħ tat-12-il midalja tad-deheb, konna ilħaqna r-rekord fir-rebħ ta’ midalj ta’ lewn id-deheb f’edizzjoni waħda, dik ta’ għoxrin sena llu u li kienet saret f’pajjiżna ukoll, illum Malta kompliet tikser aktar rekords importanti li jagħtu konferma tal-qawwa u t-talent tal-isport f’Malta.

Fl-edizzjoni tal-2003 kelna rekord ta’ 43 midalja mirbuħa u din id-darba, wara erba’ t’ijiem minn dawn il-logħob, Malta diġa’ rebħet total ta’ 49 midalja.

Fl-2003, meta wieħed jgħodd il-midalji kollha mirbuħa minn Malta, deheb, fidda u bronz, konna rreġistrajna l-akbar numru meta mqabbel ma’ kwalunkwé edizzjoni oħra ta’ dawn il-logħob. Dak in-nhar, it-total ta’ midalji mirbuħa mill-atleti Maltin kien ta’ 43 midalja (12 deheb, 16 fidda u 15-il bronz).

Bl-ammont ta’ midalji li komplejna nirbħu llum, u meta għad fadal jumejn oħra mit-tmiem ta’ dawn il-logħob, Malta mhux biss tejbet ir-rekord preċidenti ta’ l-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb mirbuħa f’edizzjoni waħda iżda anke r-rekord ta’ midalji mirbuħa ta’ kull kulur, f’edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zgħar.

Illejla għalaqna r-raba’ jum ta’ dawn il-logħob b’total ta’ 49 midalja; 20 tad-deheb, 12 tal-fidda u 20 tal-bronz. U meta għad fadal jumejn oħra għat-tmiem ta’ din id-19-il edizzjoni, hemm prospetti sbieħ, u sbieħ ħafna, li l-atleti Maltin ikomplu jirbħu aktar midalji, inkluż midalji tad-deheb.

Dawn in-numri, bir-rebħ tal-midalji mirbuħa s’issa minn Malta meta mqabbla mal-ammonti li l-Maltin rebħu fil-passat, juru biċ-ċar li din l-edizzjoni hija l-aqwa waħda bla precedent għall-isport Malti.

Preżentament Malta tinsab fit-tieni post fil-klassifika tar-rebħ tal-midalji skont il-pajjiżi parteċipanti.

Fil-klassifika proviżorja tal-midalji mirbuħa skont il-pajjiżi, Malta tinsab fl-għola posizzjoni li qatt kolna fl-istorja ta’ dawn il-logħob. Attwalment ninsabu fit-tieni post, b’midalja tad-deheb anqas minn Ċipru. Għalkemm diffiċli, xorta waħda hu possibli li sal-aħħar ta’ din l-edizzjoni, Malta tispiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-midalji minn fost id-disa’ pajjiżi li qed jipparteċipaw f’din l-edizzjoni.

Jiġri x’jiġri fl-aħħar jumejn, Malta diġa’ ilħaqna l-objettivi ħafna mill-objettivi tagħna u ktibna l-istorja fil-pożittiv fl-isport lokali. Dawk li forsi ma jsegwux, issa forsi qed jifhmu ftit aktar għalfejn din il-ġimgħa qed tirrenja l-ewforija mid-dilettanti tal-isport f’pajjiżna.

Il-progress sar minkejja li l-investiment fl-isport f’dawn l-aħħar snin ma kienx wieħed kbir.

Il-progress sar, u Alla ħares le, minkejja li l-investiment fil-qasam sportiv f’dawn l-aħħar snin, kemm mill-Gvern kif ukoll il-privat, speċjalment fl-infrastrutturi sportivi f’pajjiżna, ma kienx kbir jew ekwivalenti għas-suċċessi li l-atleti Maltin qed jiksbu f’din l-edizzjoni ta’ dawn il-logħob.

Mhux qed ngħid li ma sar xejn, biex ma jkunx hemm min jipprova jinterpretani kif jaqbel lilu, iżda partikolarment il-Gvern (u hawnhekk qed nirreferi għal kull Gvern li kelna f’dawn l-aħħar għoxrin sena) setgħu investew bil-wisq aktar fl-isport. Hu fatt, li sal-llum ebda Gvern qatt ma aġevola l-isport lokali u l-atleti tagħna, kif isir f’ħafna pajjiżi li nistgħu nitkejlu magħhom. Minkejja dan ir-riżultat u f’dixxiplini sportivi differenti, tjiebu mhux ftit.

Sinċerament nittama li dawn ir-riżultati iħallu legat u wara li jintemmu dawn il-logħob, il-Gvern ikompli jinvesti u jżid b’mod sostanzjali l-vot finanzjarju tiegħu fl-isport. Mhux veru li aħna l-Maltin m’aħnix kapaċi meta nikkompetu mal-barranin. L-isport Malti hu mimli b’talent ta’ atleti, kowċis u amministraturi li jekk ikollhom l-għajnuna meħtieġa, u jiġu aġevolati biex ikomplu jkabbru l-abiltajiet u ħiliet sportivi tagħhom, dawn kapaċi jgħollu isem pajjiżna ‘l fuq fejn sal-llum qatt ma konna fix-xena tal-isport internazzjonali.

Għalhekk illum għadna għalfejn inkunu kburin b’dak li l-atleti Maltin li qed jipparteċipaw f’din l-edizzjoni tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar, fid-diversi dixxiplini, qed jirnexxilna niksbu. Iżda ejjew nifhmu ukoll x’responsabiltá għadna wara li dawn il-logħob jispiċċaw.

X’għandu jkun il-legat tas-suċċess ta’ Malta f’din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Ibda biex hu imperattiv li wara din l-edizzjoni ta’ dawn il-logħob nikkonsolidaw dak li għadna u l-livell li rrnexxilna nilħqu, u sussegwentament kulħadd għandu jifhem darba għal dejjem li l-isport hi professjoni u mhux delizzju li tagħmlu wara x-xogħol. Il-Gvern tal-ġurnata rrid jifhem ukoll li l-isport lokali jista’ ħafna lura lill-pajjiż, mhux biss riżultati iżda anke introjtu finanzjarju.

Il-Gvern Laburista għamel għall-isport u għandu parti mill-mertu ta’ dak li qed niksbu bħala riżultati, iżda setgħa jagħmel bil-wisq aktar. Kif? L-impenn sabiex ngħollu l-livell fl-infrastrutturi sportivi, mhux biss dawk eżistenti imma fil-bini ta’ oħrajn ġodda, jista’ jkun aħjar u għandhom jingħataw prijoritá. M’għadnix nistennew li norganizzaw edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar biex nibnu kumplessi ġodda.

Il-maġġoranza tal-venues li qed jintużaw f’din l-edizzjoni llhom li nbnew is-snin, u huma legat taż-żewġ edizzjonijiet preċedenti tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u li kienu saru f’Malta fl-1993 u l-2003. Dak li għadna llum huma, fil-maġġoranza tagħhom huma l-istess infrastrutturi sportivi li iżda kienu rinovati. Tajjeb u bl-ebda mod m’jien qed ngħid li sar ħażin, iżda fejn huma l-proġetti infrastrutturali ġodda li kellhom isiru apposta għal dawn il-logħob? Kollox tlestu fil-ħin u qed jintunżaw kif kien ippjanat?

Pajjiżna jeħtieġ li jkollu politika li ta bilħaqq tiffavorixxi l-isport u l-isportivi Maltin.

Issa aktar minn qatt qabel iridu lkoll nifhmu li l-isport lokali għadna għalfejn ninvestu aktar fiħ u l-politiku, hu min hu, għandu jassigura li pajjiżna jkollu politiku li tassew tkun favur l-isport. Eżempju, meta se nibdew naraw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi jibdew jibbenefikaw mill-famuża liġi tal-kummerċjaliżżazzjoni tal-isport? Sal-llum din il-liġi kienet duħħan. Kieku l-Gvern jagħti prijoritá fit-tisħiħ ta’ din il-liġi, l-avvanzi li nistgħu nkomplu nagħmlu huma kbar.

L-atleti Malti li għandhom livell għoli, qed ngħinuhom biżżejjed? Tajjeb li l-Gvern f’din l-edizzjoni ta’ inċentiv finanzjarju b’saħħtu għal min jirbaħ il-midalji iżda m’għadnix nagħmlu hekk biss lejliet edizzjoni ta’ dawn il-logħob iżda matul is-sena kollha.

Ħafna mill-atleti Maltin li qed jiksbu suċċess f’din l-edizzjoni, kienu studenti fl-ewwel snin tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li bdiet fl-2011.

U xi ngħidu għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport? Ħafna mill-atleti li llum qed jirbħu l-midalji u qed jagħmlu din l-edizzjoni suċċess, kienu studenti f’din l-iskola, fl-ewwel snin tagħha meta kienet fetħet il-bibien tagħha fl-2011. Iżda 12-il sena wara mill-bidu ta’ din l-iskola, il-Gvern kompla jkabbar din l-iskola?

Qed inħarsu lejn oqsma oħra importanti li jgħinu lill-atleti lokali biex itejbu u jitħarġu aħjar? X’sar minha l-wegħdha ta’ Sports Science Centre?

Mhux qed ikun negattiv anzi. Qed inkun realistiku u f’dan l-artiklu tkellimt dwar l-istampa kollha fl-isport.

Il-futur ta’ Malta fl-isport hu sabiħ. Tajjeb li nkomplu niċċelebraw dak li qed niksbu, iżda ejja nħarsu ‘l quddiem biex wara nhar is-Sibt li ġej, meta kollox jispiċċa, inkunu kapaċi biżżejjed li nkomplu nibnu fuq li għadna.

Din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar hi ċavetta importanti biex ngħollu l-isport Malti f’livelli bil-wisq għolja li qatt ma ħsibna dwarhom pero kollox jiddeppendi mid-deċiżjonijiet u l-attitudni tagħna llkoll fl-isport, minn issa ‘l quddiem.

Forza Malta!