Aħbarijiet sbieħ ġejjin mid-dixxiplina tal-isquash hekk kif Malta se tkun qed tirbaħ b’ċertezza żewġ midalji tad-deheb u tnejn oħra tal-fidda. Dan għaliex iż-żewġ partiti finali għar-rebħ tal-kompetizzjonijiet tad-doubles tal-irġiel u tan-nisa se jkunu qed jaraw biss koppji Maltin, b’hekk pajjiżna diġa’ għandu garantiti żewġ midalji oħra tad-deheb.
Fid-doubles tal-irġiel, il-finali se tkun ikkontestata mill-koppja Niall Engerer u Daniel Zammit Lewis li se jkunu qed jilgħabu kontra l-koppja l-oħra Maltija, Bradley Hindle u Kijan Sultana.
Fid-doubles tan-nisa, il-koppja Maltija Johanna Rizzo u Amke Fischer kienu l-ewwel li kisbu post fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Huma se jkunu qed jilgħabu għar-rebħ tal-midalja tad-deheb kontra koppja oħra Maltija,Colette u Lijana Sultana.
Din hija tassew ġurnata oħra memorabbli għall-isport Malti. Min jaf kemm il-darba ħlomna li ngħixu mumenti bħal dawn.
Għaldaqstant jekk kelna ngħoddu minn issa r-rebħ ta’ dawn il-midalji, Malta diġa’ rebħet total ta’ 24 midalja tad-deheb f’dawn il-logħob.
//= $special ?>