“L-individwu huwa fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk ser nibqgħu naħdmu sabiex intejbu il-kwalitá ta’ ħajja tal-bniedem. Pajjiżna għandu bżonn Gvern iffukat fuq il-vera sfidi li għandu dan il-pajjiż; tmexxija ġusta fejn kulħadd jgħix ħajja li tixraqlu.”
Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-intervista li saritlu minn Lou Bondi waqt konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ organizzata mill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika, fejn tkellem dwar diversi temi li qed jolqtu lil-poplu Malti u Għawdxi fosthom l-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif minn stħarriġ li sar mill-Espert fl-Istatistika Vincent Marmara u li ġie ppreżentat waqt l-istess konferenza, sar magħruf illi terz tal-popolazzjoni ta’ pajiżna jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja agħar minn dik ta’ sena ilu, fejn il-fattur ewlieni li wassal għal dan huwa l-effett tal-inflazzjoni.
“Dan il-pajjiż evidentament għandu kriżijiet kbar fit-tmexxija u hemm sfidi kbar li għandhom jiġu ndirizzati immedjatament fosthom; l-għoli tal-ħajja, l-iżvilupp insostenibbli, problemi serji fis-settur tas-saħħa għad-detriment tal-pażjent u l-problemi kbar tat-traffiku. Għalaqstant, nemmen li l-poplu għandu bżonn direzzjoni aħjar, sostna il-Kap tal-PN Bernard Grech.
Dwar l-għoli tal-ħajja u dwar dak li ħareġ mill-stħarriġ li sar mill-Espert fl-Istatistika Vincent Marmara, Bernard Grech qal li l-għoli tal-ħajja qed jaffettwa bil-kbir lil min jaqlagħha u jikolha, lill-pensjonant li jkollu jgħix b’pensjoni miżera u lil dawk il-familji li kultant ikollhom jiċċaħħdu anki minn affarijiet essenzjali, inkluż mediċini, biex il-paga twassalhom sal-aħħar tax-xahar.
Hu qal li quddiem il-prezzijiet jogħlew ta’ kuljum, Robert Abela jibqa’ insensittiv u ma jagħmel xejn għax jinsab mifxul bil-problemi interni li qed ikollu jiffaċċja.
Bernard Grech saħaq li għal kuntlarju ta’ dan, il-pjan tal-Partit Nazzjonalista huwa ċar fejn jinvolvi l-konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba soċjali, mal-NGOs u mal-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
“Il-Konsultazzjoni tagħna se tibqa’ għaddejja kif għamilna għal diversi ġimgħat, hekk kif iltqajna ma’ diversi għaqdiet mhux governativi sabiex inħossu l-polz tan-nies, u ser nibqgħu nagħmlu tul il-jiem li ġejjien. Ma nistgħux niqbgħu niddependu fuq short-term measures – ekonomija tal-kwantitá. Is-soluzzjoni hija li nitrasformaw l-ekonomija tagħna għal waħda ta’ kwalitá mhux kwanititá.”
Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ambjent u qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit tal-ambjent. Waqt li fakkar li anki fuq dan is-settur il-PN ħareġ bi pjanijiet serji u hekk se jkompli jagħmel fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. “Irridu li l-ambjent mhux biss jissemma fil-Kostituzzjoni imma wara konsultazzjoni pubblika nintroduċu l-ambjent bħala dritt fundamentali tal-bniedem fil-Kostituzzjoni.”
Meta ġie mistoqsi dwar l-abbort, Bernard Grech sostna li hu f’isem l-Partit Nazzjonlista qed iżomm pożizzjoni b’saħħa kontra l-introduzzjoni tal-abort, u kien, għadu u se jibqa’ kontra l-abbort għaliex jemmen li hu qtil ta’ ħajja innoċenti.
“Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien u għadu hemm għal kulħadd, biex ħadd ma jibqa’ lura. Il-partiti politiċi dejjem għandhomm jaspiraw sabiex ikunu partiti li jaħdmu għal ġid tal-pajjiż u tal-individwu. Dan il-partit qiegħed iffukat fuq l-isfidi li qed jolqtu lill-poplu Malti u lill-Pajjiż u ser jibqa’ jaħdem għal pajjiż aħjar,” tenna Bernard Grech.
Tul l-intervista, Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-partit tal-edukazzjoni u ta’ ekonomija miftuħa – Partit li minn dejjem emmen u għadu jemmen fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Bernard Grech qal illi l-poplu huwa dak li jiddeċiedi u li dejjem ikun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. U għalhekk, il-PN se jibqa’ jaħdem sabiex jagħti l-aħjar lill-Maltin u Għawdxin kollha – politika li fiċ-ċentru tagħha hemm il-bniedem.
“Nifhmu li għadna sfidi internazzjonali imma iridu nsibu soluzzjonijiet għaliex ma nistawx inħallu lill-poplu jgħowm waħdu f’baħar ta’ problemi. F’dan il-pajjiż għandna bżonn pajjiż ġust. Dan it-tip ta’ kwalitá ta’ ħajja aħjar li rridu nibnu f’Malta. Irridu li dak kollu li ħdmina għalih jsir realtá iżda b’mod ġust u mhux b’qerq.”
//= $special ?>