Internazzjonali

Ir-Russja: Voluntiera u paramilitari Russi jikkumbattu lill-Kremlin ‘għall-futur tal-poplu’

Ir-Russja qed ikollha tħabbat wiċċha ma’ inkwiet ġdid qalb iz-zoni viċin il-fruntiera…Dan meta r-reġjun ta’ Belgorod qed jispiċċa attakkat kontinwament mill-gruppi ta’ ġellieda – armati sa snienhom –li ddikjaraw ruħhom mija-fil-mija kontra l-Kremlin u l-President Russu Vladimir Putin.

Filwaqt li mhumiex jingħataw wisq dettalji, hemm talanqas żewġ gruppi minn dawn il-ġellieda – wieħed minnhom magħmul mill-paramilitari Russi b’esperjenza ta’ gwerra li qegħdin jappoġġjaw lill-Ukrajna fil-gwerra mal-Kremlin li ilha minn Frar tas-sena l-oħra.

Fl-aħħar jiem deher ovvju li l-Kremlin qed jipprova jimminimizza l-fatt li, issa qed ikollu jiġġieled fuq front ġdid tal-gwerra – din id-darba fl-artijiet tiegħu – bil-ħsieb li ma tqajjimx ferment fost il-poplu.

Dan meta ħafna familji Russi, speċjalment dawk li tilfu lill-uliedhom fil-gwerra, huma ddisprati biex jieqaf il-konflitt fl-Ukrajna – anki jekk huma ma jissugrawx li jesprimu din l-opinjoni pubblikament minħabba r-riperkussjonijiet ħorox li jistgħu jiffaċċjaw mill-Istat.

Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża Russu, fl-aħħar sigħat, żvela li kellu jirreżisti talanqas tliet attakki oħra fuq artu mill-Ukrajna u li konċentraw fuq l-inħawi ta’ Shebekino, fir-reġjun ta’ Belgorod li ilu minn Mejju suġġett għall-attakki simili.

Il-Ministeru akkuża ‘lill-gruppi tat-terroristi Ukreni’ għall-aħħar azzjonijiet li skont hu tmexxew minn għexieren ta’ ‘militanti’ li kellhom anki t-tankijiet tal-gwerra u vetturi armati oħra. Intant, ir-Russi enfasizzaw li xejnu dawn l-attakki grazzi għall-qawwiet tal-ajru u l-artillerija tagħhom u li fl-inkursjonijiet inqatlu aktar minn 50 allegati ġellieda Ukreni.

Iżda l-awtoritajiet Russi qed ikunu attenti ħafna biex iżommu lura minn ċerti dettalji għall-konsum tal-pubbliku. Dan meta ftit hemm dubju li żdiedu sew l-ammonti tar-Russi etniċi favur l-Ukrajna li qegħdin jiġġieldu kontra l-Gvern Russu fl-artijiet tar-Russja proprja….

L-aħħar darba li kien hemm il-battalji ftit jew wisq fuq din l-iskala fir-Russja kienet waqt it-Tieni Gwerra Dinjija meta dan il-pajjiż – bħala parti mill-eks Unjoni Sovjetika – kien okkupat mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf  Hitler.

Intant, il-grupp ‘ta’ kontra l-Kremlin’ magħmul minn paramilitari tal-lemin jismu Korp għall-Voluntiera Russi u dan mexxa ħafna mill-aħħar inkursjonijiet f’Belgorod. Grupp ieħor ta’ kontra Putin bl-isem Leġjun għall-Ħelsien tar-Russja ukoll ħabbar pjan għal rejd (mill-Ukrajna)  fuq Belgorod u nħawi Russi oħra viċin tiegħu.