Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq aktar minn 10 kilos cannabis u żewġ kilos kokaina

George Frendo ta’ 57 sena residenti ż-Żurrieq u li huwa diżokkupat baqa’ miżmum arrestat wara li tressq il-Qorti akkużat b’pussess agravat ta’ droga cannabis u kokaina, li kiser tliet digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u li sar riċediv. L-ammont ta’ droga allegarament misjuba d-dar tiegħu kienet ta’ bejn 10 u 12-il kilo cannabis u żewġ kilos kokaina.


L-ispettur Mark Anthony Mercieca li ressaq lil Frendo qal lill-Qorti li nhar il-Erbgħa li għaddew il-pulizija kienu nfurmati li Frendo kien se jkun involut fi traffikar tad-droga u l-pulziija bdew josservaw il-passi tiegħu. Tenna li rawh f’karozza f’Ħal Luqa u li miegħu rikkeb żewġ persuni oħra, waqqfuh u qalulu li se jagħmlu tfittxija fil-vettura fejn fil-‘glove compartment’ fejn hemm sabu mas-€16,000.

L-Ispettur qal li meta mistoqsi Frendo ma riedx jgħid għaliex kellu fuqu dawk il-flus kollha. Il-Pulizija pproċedit billi nfurmatu li riedu jagħmlu tfittxija fid-dar tiegħu. Dak il-ħin iżda Ġara Frendo beda jilmeta minn problemi ta’ saħħa u l-pulizija sakkru r-residenza fil-presenza tiegħu, sabiex kollox jibqa’ preservat u ħaduh l-isptar.

L-għada, l-pulizija fetħu r-residenza fil-presenza ta’ Frendo u sabu traċċi ta’ cannabis u fil-kamra tas-sodda u fil-kamra tal-bejn instabu boroż kbar mimlijin cannabis. L-Ispettur Mercieca qal li hu stmat li nstabu bejn 10 u 12-il kilo cannabis. Wara nstabet borża oħra wara xi ħwejjeġ maħmuġin li kien fiha madwar żewġ kilos kokaina.

Frendo li fil-Qorti qal li qed jirreġistra għax-xogħol u li ta indirizz f’lokalità different minn fejn instabet id-droga, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-avukati Jacob Magri u Arthur Azzopardi talbu li jingħata l-pleġġ, talba li kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni.

Id-difża kkwotat sentenzi tal-Qorti li kkonkludew li n-natura tal-gravità tal-każ waħedha mhix raġuni biżżejjed biex persuna tinżamm arrestata. L-Avukat Azzopardi qal ukoll li m’hemmx biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi għax hemm inkjesta u l-provi kollha huma ppreservati u m’hemmx lanqas il-biża li jaħrab mill-pajjiż. Id-difiż’a qalet ukoll li l-kundizzjoni medika ta’ Frendo hija prekarja u jekk jinżamm il-ħabs, saħħtu se tkompli sejra lura.

Il-Prosekuzzjoni fir-raġunijiet tagħha biex Frendo jinżamm arrestat qalet li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin u li dan huwa każ li hemm involuti ammonti kbar ta’ droga li kienu se jiġu traffikati. Qalet ukoll li l-akkużat mhux bniedem affidabbli u li kien qed igawdi minn tliet benefiċċji dwar il-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor.

Ingħad ukoll li hemm xhieda pajżana li għad iridu jagħtu d-depożizzjoni, nkluż dawk li kienu rekbin ma’ Frendo fil-karozza. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba f’dan l-istadju minħabba l-gravita tar-reat, għax fadal xhieda pajżana x’jixhdu u minħabba l-karattru tal-akkużat kif joħroġ mill-kondotta tiegħu. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ iffriżar tal-assi kollha tal-akkużat.

F”Marzu tal-2011 Frendo kien ukoll arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ importazzjoni għat-traffikar ta’ 4.5 kilo kokaina li kienet instabet f’karozza Peugeot 406 li kienet ġiet bil-baħar mill-Ingilterra. Huwa kien tressaq ma’ persuna oħra u li wkoll kien qal lill-Qorti li ma jaħdimx.