Lokali Qorti

Konfermata sentenza biex avukat iħallas €300,000 lil armla ta’ Rakhat Aliyev

Tliet Imħallfin ikkonfermaw sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ordnat lill-avukat Pio Valletta biex iħallas lura lill-ex klijenta tiegħu u armla ta’ oligarka milll-Każakstan is-somma ta’ €300,000 wara li għal darb oħra ġie deċiż li hu naqas milli jirrispetta t-termini marbuta mal-ħlas lura ta’ flus li kien approprja mingħajr hi ma kienet taf.

Il-qorti tal-appell ikkonfermat deċiżjoni tal-ewwel qorti preseduta mill-Imħallef Robert Mangion li ngħatat is-sena li għaddiet meta kienet ordnat lill-avukat Valletta biex iħallas lill-eks-klijenta tiegħu, Elnara Shorazova, armla ta’ Rakhat Aliyev, li għamlu żmien jgħixu Malta.

Aliyev kellu diversi karigi għolja fil-gvern Każakistan u dak iż-żmien, martu kienet Dariga Nazarbayeva, it-tifla l-kbira tal-president ta’ dak iż-żmien Nursultan Nazarbayev. Huwa ddivorzja l-ewwel mara tiegħu – divorzju li skont hu sar mingħajr ma kien jaf u l-kunsens tiegħu u ħarab mill-pajjiż.

II-prosekuturi Awstrijaċi akkużawh bil-qtil tal-bankiera, wara li ċaħdu t-talbiet tal-Każakistan għall-estradizzjoni minħabba li ma tantx jeżistu drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Aliyev kien mar hu għand l-awtoritajiet Awstrijaċi f’Ġunju 2014. Hu kien instab mejjet fiċ-ċella tiegħu fi Frar ta’ wara u l-awtoritajiet Awstrijaċi qalu li dan kien każ kien suwiċidju.

Dan seħħ, waqt li kien qed jistenna biex jgħaddi ġuri fuq akkużi ta’ ħtif u qtil ta’ żewġ bankiera Każakistan, wara li esprima biża’ li ħajtu kienet fil-periklu mill-pulizija sigrieta tal-Każakstan. Wara li miet Aliyev ġie lliberat minn akkużi ta’ omiċidji.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R Micallef u Tonio Mallia ikkonfermaw is-sentenza fejn Shorazova kienet talbet lill-eks avukat tagħha wara li kien naqas milli jħallas lura flus li kien approprja mingħajr il-kunsens tagħha. It-tnejn kienu ffirmaw att fl-2012 fejn kellu jħallasha s-somma ta’ €900,000 li kien żamm mingħajr il-permess tagħha.

Il-ħlasijiet kienu maħsuba biex isiru bin-nifs bejn Lulju 2013 u Lulju 2018 iżda kien naqas li jagħmel dan. Shorazova kienet fetħet kawża li fiha Valletta kien talab lill-qorti biex tinforza ftehim privat li permezz tiegħu hija kienet tirrinunzja €300,000 mill-ammont globali kieku l-avukat ħallasilha €600,000 fiż-żmien stipulat.

Shorazova qablet ukoll li tirtira r-rapport li kienet għamlet lill-pulizija fil-konfront tal-imputat talli misapproprja l-flus kif ukoll li tirtira t-talba mressqa kontrih quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Shorazova kienet ressqet il-każ fejn tallega li Valletta ma kienx puntwali fil-ħlasijiet miftiehma, bil-konsegwenza li kienet teħtieġ li tiġi attivata l-klawżola dwar ir-rinunzja tas-somma ta’ €300,000 mis-somma totali ta’ €900,000.

Valletta kien argumenta li l-interpretazzjoni tiegħu tal-ftehim kienet li jekk il-ħlas lura ma jitħallsux skont id-dati stipulati, l-ammont ta’ €300,000 kellu jitħallas lilu bħala ħlas għas-servizzi professjonali tiegħu. Il-Qorti ddeċidiet kontra Valletta, fejn kissret il-linja tad-difiża tiegħu u ordnatlu jħallas it-€300,000. Huwa appella s-sentenza fejn sostna li l-każ kien preskritt u fuq punti oħra ta’ liġi.

Madankollu, il-qorti tal-appell warrbet l-ilmenti tiegħu u kkonfermat l-ewwel sentenza, u ordnat lil Valletta jħallas lil Shorazova t-€300,000 minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini tal-ħlas lura. Is-somma ta’ €900,000 kienet parti minn somma akbar ta’ €2.4 miljun li kienet maħsuba biex tiffinanzja kumpanija bbażata fl-Awstrija.