Internazzjonali

L-Iran: Kundanna għar-reġim Iżlamiku li żamm priġunier iżolat għal 1,000 jum

Il-grupp Amnesty International qed jappella għall-ħelsien ta’ raġel Iranjan li għadu kemm għalaq 1,000 jum iżolat f’ċella ta’ ħabs fl-Iran. Ir-raġel, Vahid Afkari, ta’ 37 sena, u ż-żewġ ħutu kienu kundannati dwar il-qtil ta’ uffiċjal tas-sigurtà Iranjan waqt il-protesti ta’ ħames snin ilu dwar l-għoli tal-ħajja f’pajjiżhom.

Wieħed mill-aħwa – Navid Afkari, eks-champion tar-wrestling, ingħata l-forka fl-Iran ftit taż-żmien ilu, waqt li l-akbar fost l-aħwa, Habib, inħeles mill-ħabs is-sena l-oħra fost il-pressjoni tal-komunità internazzjonali.

It-tliet aħwa kollha ċaħdu għall-akkuża waqt li insistew li huma spiċċaw suġġetti għat-tortura biex jammettu dwar ‘reat li ma kellhomx parti minnu’,

Filwaqt li l-qrati fl-Iran huma magħrufin għall-pieni ħorox u primittivi li jikkonfermaw għall-imputati huwa rari biex l-awtoritajiet iżommu lil xi ħadd magħluq waħdu f’ċella ta’ ħabs għal daqstant żmien.

U l-kelliema għall-komunità internazzjonali qed jikkundannaw bis-sħiħ sitwazzjoni  fejn raġel li, bħall-oħrajn, kien qed jipprotesta kontra ż-żieda drastika fil-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi seta’ jeħel piena daqstant krudili u fit-tul bil-barka tal-awtoritajiet Iżlamiċi fl-Iran.