Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ftehim li jevita katastrofi fiskali — anki għall-pajjiżi tad-dinja

Is-swieq internazzjonali ħadu n-nifs mal-konferma li l-Kungress ta’ Washington approva ftehim biex iżid il-limitu tas-self għall-Istati Uniti. Dan seħħ jiem qabel l-Istati Uniti – l-akbar ekonomija tad-dinja – kienet se tispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma tonorax l-obbligi fuq id-dejn u bis-sitwazzjoni taffettwa ħażin ħafna lill-ekonomija u s-swieq finanzjarji tad-dinja.

Il-miżura – appoġġjata mid-Demokratiċi fil-Gvern u r-Repubblikani fl-Oppożizzjoni – għaddiet b’vot ta’ 63 kontra 36, proprju l-għada li kienet għaddiet mill-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden qal li se jiffirma l-abbozz biex din il-miżura tgħaddi bħala liġi – bil-firma tiegħu taċċerta li l-Istati Uniti se tevita ‘xenarju katastrofiku’ relatat mad-dejn tagħha ekwivalenti għal 31.4 triljun dollaru.

It-tbassir hu li l-Istati Uniti għandha taqbeż is-ceiling tad-dejn attwali proprju nhar it-Tnejn, il-5 ta’ Ġunju.

F’xenarju fejn il-pajjiż ma jżommx mal-obbligi stabbiliti, il-Gvern Amerikan kapaċi jitlef mill-kapaċità biex jissellef aktar flus bil-għan li jiffinanzja l-ispejjeż kollha tal-Amministrazzjoni.

L-istess xenarju kapaċi anki jħalli hekk-imsejjaħ ‘ripple effect’, bir-riperkussjonijiet iqajjmu inkwiet kbir ‘il hinn mill-Istati Uniti, fost l-impatt dirett għall-prezzijiet u r-rati tal-interessi f’pajjiżi oħra.

Matul is-sessjoni tal-Ħamis bil-lejl fil-Kungress, l-abbozz inkwistjoni għadda bl-appoġġ ta’ 44 membru Demokratiku u 17-il Repubblikan, flimkien ma’ żewġ membri indipendenti. Dan meta kienu meħtieġa 60 vot ‘favur’ biex jgħaddi l-abbozz fil-Kamra ta’ 100 membru kontrollata mid-Demokratiċi.

Is-Senaturi Amerikani, għall-bidu, kienu proponew 11-il emenda għall-abbozz rigward is-ceiling tad-dejn nazzjonali iżda dawn kienu kollha miċħuda fi proċess li witta t-triq għall-vot finali.

Li kieku għaddiet imqar waħda mill-emendi proposti, l-abbozz sħiħ kien ikollu jitressaq mill-ġdid quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti. Intant, xenarju bħal dan ftit kien se jħalli żmien biex tgħaddi uffiċjalment il-miżura għaż-żieda fil-limitu tas-self u fost l-impatt fiskali diżastruż għall-Istati Uniti flimkien ma’ numru sinifikanti ta’ pajjiżi oħra.