Lokali Qorti

Multa ta’ €36,000 tinżel għal €3,000 fuq xogħol f’Wied Qirda

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet in parti appell ta’ Anthony Camilleri, f’isem il-kumpanija AC Group Limited u naqqset multa ta’ €36,000 u niżżlitha għal €3,000 wara li rriżulta li mingħajr ma jiġi skolpat, il-multa mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati kienet waħda eċessiva fuq xogħol li sar f’Wied Qirda, limiti ta’ Ħal-Qormi fl-2019.

Mix-xhieda mogħtija minn Stanley Gatt, in rappreżentanza tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, jirriżulta li nhar it-28 ta’ Ottubru tas-sena 2019, l-Awtorità irċeviet informazzjoni li kienu qed isiru xogħlijiet ġewwa Wied Qirda, li hija mħarsa bħala sit ta’ konservazzjoni.

Minn spezzjoni li saret fuq il-post, ġie nnutat li kien sar twessiegħ tat-triq, ġiet imneħħija l-veġetazzjoni, sar skavar tal-qiegħ tal-wied u saret kostruzzjoni ta’ ‘retaining wall’ bil-globiġerina limestone blocks mal-ġenb tal-wied. Aktar tard, l-Awtorita’ kienet għamlet investigazzjoni interna sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx inħareġ permess sabiex isiru dawn ix-xogħlijiet, liema investigazzjoni rriżultat fin-negattiv.

Ħareġ, madanakollu, illi f’ Novembru tas-sena 2018 kienet saret talba minn naħa ta’ Infrastructure Malta sabiex isiru xi interventi f’dan il-wied. Meta intalbet kjarifika minn għand Infrastructure Malta dwar in-natura tax-xogħolijiet li kellhom isiru, din wieġbet testwalment “yes, urgent works in view of road collapse”.

L-Awtorità għall-Ambjent ma qablitx ma tali kostatazzjoni magħmula minn Infrastructure Malta u nhar l-14 ta’ Novembru tas-sena 2019, saret spezzjoni ulterjuri fuq is-sit in kwistjoni, fejn irriżulta li kienu għaddejjin ix-xogħolijiet fuq il-bini tat-triq minn ħaddiema tas-soċjetà AC Group Limited, fejn huma ġew ordnati verbalment sabiex jieqfu mix-xogħol tagħhom.

In segwitu nhar il-15 ta’ Novembru 2019, l-Awtorita’ ħarġet Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformità li twaħħlet fuq is-sit in kwistjoni u anke intbagħtet kopja bil-posta lill-partijiet konċernati, liema ordni inħarġet fil-konfront ta’ Frederick
Azzopardi, in rapprezentanza ta’ Infrastructure Malta kif ukoll fil-konfront ta’ AC Group Limited, u fil-konfront ta’ Anthony Camilleri f’isem dejjem AC Group Limited”.

Fis-16 ta’ Novembru 2019, reġgħet saret spezzjoni mill-Awtorità fejn instab li minkejja li l-Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformita’ kienet għadha in vigore, ix-xogħlijiet f’Wied Qirda tkomplew u dan billi sar tħaffir aktar estensiv u saħansitra kienet qed titqiegħed sodda tal-konkos.

Sussegwentement saret spezzjoni oħra nhar it-18 ta’ Novembru tas-sena 2019 filgħodu fejn irriżulta li għal darb’oħra x-xogħlijiet kienu baqgħu għaddejjin. Dakinhar ġie mitkellem Camilleri, fejn saħaq li hu kien qed jaħdem fuq struzzjonijiet ta’ Infrastructure Malta.

Madanakollu Camilkleri qabel li x-xogħlijiet jieqfu. Iżda meta saret spezzjoni oħra dakinhar stess filgħaxija, instab li
minkejja li ftit siegħat qabel hu kien intrabat li jwaqqaf ix-xogħlijiet, dawn fil-fatt tkomplew. Nhar it-2 ta’ Jannar tas-sena 2020 imbagħad saret spezzjoni oħra fejn instab li l-medda tal-art kienet ġiet mimlija sa fuq kif ukoll kien tkompla l-iskavar u tqiegħdu planki minn naħa għall-oħra tal-wied sabiex jiġi ffurmat pont.

Ukoll, nhar l-20 ta’ Jannar tas-sena 2020, fi spezzjoni oħra, irriżulta li x-xogħlijiet tkomplew u kien ingħata wiċċ tal-konkos fuq il-bridge u fuq it-triq. Fl-aħħarnett kienet saret spezzjoni nhar is-6 ta’ Frar 2020 fejn irriżulta li l-iskavar tkompla. Dakinhar fuq il-post kienu anke marru l-Pulizija fejn Camilleri baqa’ jisħaq li huwa kien qed jimxi fuq l-istruzzjonijet ta’ Infrastructure Malta.

Għalkemm l-Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformita’ nħarġet fil-konfront tiegħu personali, madanakollu huwa kien qed jaġixxi fil-vesti tiegħu ta’ uffiċjal tas-soċjeta AC Group Limited. Mix-xiehda ta’ Stanley Gatt, f’isem l-Awtorita’ għal-Ambjent u r-Risorzi, jirriżulta illi fuq il-post l-appellant kien ġie mitkellem u ntrabat li jwaqqaf ix-xogħolijiet, iżda imbagħad meta saret spezzjoni ftit tal-ħin wara rriżulta illi huwa ma kienx obda l-Ordni u baqa’ għaddej xorta waħda bix-xogħolijiet, tant illi sar aktar skavar fuq is-sit.

Fil-fehma tal-Qorti lanqas ma jista’ Camilleri jeżonera ruħu mir-responsabbilta’ penali meta jgħid illi huwa kiser din l-Ordni għaliex kien qed jingħata ordnijiet kunfliġġenti minn żewġ awtoritajiet. Il-Qorti qalet li għal darb’oħra, Camilleri
ma xehedx u allura dan il-kunflitt li jitkellem dwaru u li jgħid li sab ruħu fiha ma jirriżultax mill-atti.

Għalkemm kemm Frederick Azzopardi kif ukoll il-Perit David Vassallo xehdu illi kienu tal-fehma illi x-xogħoijiet kellhom jitkomplew minħabba li dehrilhom li kien hemm il-perikolu. Għal darb’oħra jerġa’ jingħad illi kien hemm Ordni ċara maħruġa minn Awtorita’. L-appellant kiser dik l-Ordni.

Madankollu ċ-ċirkostanzi għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni fil-kalibrazzjoni tal-piena, qalet il-Qorti. Dan ifisser illi l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti hija ċertament waħda eċċessiva f’dawn iċ-ċirkostanzi bl-appellant allura għandu jeħel multa li tqarreb lejn il-minimu stabbilit fil-liġi.

Dan ukoll fid-dawl tal-fatt illi l-Prosekuzzjoni naqset milli tressaq il-provi dwar il-valur tax-xogħolijiet li saru mingħajr awtorizazzjoni u għalhekk il-Qorti ma tistax tapplika dik il-piena kif imfassal fil-proviso għall-artikolu 84(1) tal-Kapitolu
549, kif lanqas tista’ tgħaddi biex timponi piena ta’ priġunerija meta, kif tajjeb stqarret l-Ewwel Qorti fis-sentenza appellata ma hemm prova dwar iż-żmien li fih kien hemm it-tkomplija tar-reat u dan meta l-aħħar spezzjoni jidher li seħħet fis-06 ta’ Frar 2020.

Għaldaqstant il-benefiċċju tad-dubbju għandu jmur favur Camilleri. Għal dawn il-motivi l-Qorti tal-Appel laqgħet l-appell parzjalment, u rriformat s-sentenza appellata. Tikkonfermaha fejn sabet lil Camilleri ħati, iżda tvarja l-piena inflitta u tikkundannah għal ħlas ta’ multa ta’ €3,000.