Lokali

“Neħtieġu politika ekonomika ġdida: trasformazzjoni li toħloq stabbiltà u kredibbiltà” – Roberta Metsola

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li Malta teħtieġ politika ekonomika ġdida, bil-ġid komuni jeħtieġ ikun id-direzzjoni. Hija qalet dan waqt id-diskors tal-ftuħ tal-konferenza nazzjonali dwar l-Istat tan-Nazzjon, organizzata fil-Palazz tal-President ta’ Malta.

Il-President Metsola ffukat fuq il-ġid komuni, il-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid biex permezz tal-ġid li jinħoloq kull persuna tgħix aħjar u l-ħtieġa li jiżdied l-attiviżmu ta’ kulħadd.

Hija qalet li filwaqt li l-istatistika tgħin biex permezz ta’ policies tajba nsaħħu s-soċjeta’ u biex tabilħaqq inwettqu fil-prattika l-ġid komuni, neħtieġu politika ta’ kuxjenza li għandha tbegħdna milli niġġeneralizzaw “Irridu nidħlu fiż-żarbun ta’ kulħadd biex nifhmu kif d-deċiżjonijiet tagħna jaffetwaw lin-nies. Il-ġid komuni ma jinkiseb qatt jekk il-politika tiffoka fuq il-massa.”

L-MEP Maltija saħqet, ”Għalija l-ġid komuni hu direzzjoni u mhux destinazzjoni biss. Direzzjoni li toffri qafas b’saħħtu biex in-nies jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-ġid komuni ma jfissirx li tinsa lil min qiegħed fix-xifer. Jekk il-politika ma tindirizzax lil dawn in-nies, il-kliem isir biss bħal donnu ornament.”

Il-President Metsola semmiet diversi esperjenza li tiltaqa’ magħhom, fosthom anzjani, familji u ħaddiema li mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Tkellmet dwar il-biża li jekk mhux se jkollna il-ħsieb kritiku meħtieġ fid-dinja tal-lum, se nħabbtu wiċċna ma nuqqas ta’ talent ħiliet kif ġralhom stati oħra. “Nistaqsi – qed nippreparaw għad-dinja ta’ għada, fejn il-ġid se jinħoloq b’mod differenti?” Dwar il-vittimi tal-vjolenza u l-abbuż, qalet li hemm nies li qed iwerżqu fis-skiet, li l-karba tagħhom mhix tasal. “Il-ġid komuni ma jitkejjilx bl-ammont ta’ membri tal-ġudikatura, imma b’kemm naġixxu fuq il-weġgħat,” saħqet il-President tal-Parlament Ewropew. Irreferiet għal bini li tiela illum u l-effett li qed ikollu fuq is-saħħa mentali, fuq il-komunità u fuq il-potenzjal li jista jittieħed tal-enerġija mid-dawl tax-xemx li mhux jiġi sfruttat.

“Malta għandha tkun fuq quddiemnett fejn tidħol it-tranżizzjoni ambjentali. Għandna niksu l-bjut bil-panelli li jsostuna lkoll b’enerġija nadifa, f’kull sens tal-kelma. Dan iwassal biex innaqsu l-kontijiet u l-emmissjonijiet. Pajjiżna jista’ jkun  mudell għall-bqija tad-dinja – dejjem jekk għandna r-rieda biex nagħmlu dan.”

Il-President Metsola qalet li jeħtieġ ikollna politika li toffri tama u sens ta’ ottimiżmu għal dak li għad nistgħu nilħqu. “Irridu nibqgħu nisimgħu lin-nies u nispjegaw l-importanza tal-valuri li jsawruna – d-demokrazija, l-ġustizzja, l-libertà, is-solidarjeta’. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nerġgħu nibnu mill-ġdid il-politika taċ-ċentru. In-nies mhux retorika politika iridu, iżda soluzzjonijiet li jagħtuhom serħan il-moħħ.”

“Dak li semmejt għalija hu ambizzjoni għal standards għoljin. L-eżempji li semmejt ta’ nies li niltaqa’ magħhom ma jfissrux li biex tirranġahom trid ftit irtokki, imma jeħtieġu trasformazzjoni. Neħtieġu politika ekonomika stabbli u kredibbli li tieħu inkonsiderazzjoni l-aspetti edukattivi, ambjentali, soċjali, is-saħħa, l-enerġija, u t-trasport fost l-oħrajn. Mhux politika ekonomika f’garżella, imma politika ekonomika għan-nies li tħares ‘il quddiem b’perspettivi ġodda.

Neħtieġu niċeċ ekonomiċi ġodda li joħolqu l-ġid biex jiġu ndirizzati l-inugwaljanzi, u biex tingħata protezzjoni lil min jeħtieġ f’pajjiż sigur.”

Roberta Metsola temmet tgħid li l-poplu tagħna hu kapaċi. “Bl-attiviżmu jitwieldu ideat ġodda. L-attiviżmu hu kruċjali għad-demokrazija. Bżonnjuż biex il-poplu jgħix aħjar. Importanti biex permezz tal-attiviżmu jintlaħaq ukoll il-ġid komuni. Pajjiżna għandu bzonn il-vuċi u l-ħiliet ta’ kulħadd”.