Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi f’inċident li seħħ Birkirkara

Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident li seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-sebgħa u kwart fi Triq Dun Karm, Birkirkara.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 25 sena residenti l-Gudja u karozza Ford Fiesta misjuqa minn raġel ta’ 19-il sena residenti San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.