Internazzjonali

STATI UNITI: Il-President Joe Biden jaqa’ fuq il-palk waqt gradwazzjoni

Wara li għamel madwar siegħa u nofs bilwieqfa jieħu b’idejn il-gradwati tal-Air Force tal-Istati Uniti l-President Joe Biden spiċċa waqa’ fuq il-palk.

Dan seħħ waqt din iċ-ċerimonja li saret f’Colorado, fejn Joe Biden kellu jieħu b’idejn 921 gradwat ġdid.

Filmati fuq il-media soċjali juru kif Biden waqa’ f’sandbag li kien qed iżomm it-teleprompter.

Uffiċjali qalu li l-President ma’ weġġax f’din il-waqa’ u deher bi tbissima fuq wiċċu meta kien tiela’ lura fuq l-ajruplan.

Minn naħa tiegħu, l-ex President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li jittama illi l-Biden ma weġġax filwaqt li qal li wieħed irid joqgħod attent għaliex ikun hemm diversi ostakkli fuq il-palk fejn wieħed faċilment jista’ jaqa.

Madanakollu, kaġun ta’ din il-waqa’, il-kritiċi issa qed iqajmu tħassib li Joe Biden huwa wisq avvanzat fl-età biex jagħmel terminu ieħor ta’ Presidenza.

Jekk jirbaħ elezzjoni oħra, Joe Biden ikollu 82 sena.