Lokali

Abela ma jridx jneħħi t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA

Jgħid li kien hu li ta lura l-isptarijiet lill-poplu Malti u Għawdxi

Robert Abela jinsab deċiż li t-taxxa tal-COLA ma jeliminahiex. Dan minkejja l-appelli mhux biss tal-Partit Nazzjonalista iżda saħansitra l-UĦM – Voice of the Workers u l-General Workers Union.

Stħarriġ ippubblikat il-Ġimgħa minn Vince Marmara wera li terz tal-popolazzjoni jinsabu finanzjarjament agħar mis-sena l-oħra u għaldaqstant, aktar minn qatt qabel, huwa ta’ importanza assoluta li l-familji jkollhom aktar flus fil-but.

Iżda Robert Abela qed jibqa’ jagħżel li jintaxxa l-għajnuna  – fejn kumplessivament il-poplu qed jiġi ntaxxat €25 miljun mill-għajnuna tal-COLA biss.

Iżda meta mistoqsi minn Net News huwa insista li t-taxxa tal-COLA hija xi ħaġa żgħira biss u li t-track record fuq it-taxxi tal-Partit tal-Labour jitkellem waħdu.

U filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin mhux ilaħqu maż-żieda tal-għoli tal-ħajja bil-prezzijiet tal-affarijijet bażiċi jiżdiedu minn ġimgħa għall-oħra, b’żieda fil-ħalib, ħobż, sapun u karta iġenika – kważi 4 xhur wara mis-sentenza tal-Qorti tat-tlett sptarijiet għadu ma qalx kif il-poplu se jieħu flusu lura.

Dan filwaqt li wara snin li baqa’ ħalqu mistur dwar id-deals ta’ Vitals u Steward, minkejja li huwa nnifsu kien konxju li dawn kienu frawdolenti – issa jrid jieħu l-mertu li kien hu, Robert Abela, li ta lura l-isptarijiet lill-poplu.

Dan hekk kif wara li Gvern Laburista daħħal fi sqaq lil pajjiż u ta mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lil Vitals u Steward f’kuntratti dikjarati mill-Qorti bħala frawdolenti u nulli grazzi għal kawża miftuħa mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia – Abela jrid jgħid li kien Gvern immexxi minnu li ta lura l-isptarijiet.

Iżda biex wieħed ikun tekniku u korrett kienet il-Qorti li ddikkjarat dawn il-kuntratti frawdolenti u kienu l-istess Steward li fis-sittax ta’ Marzu, 2023 avżaw lill-Gvern permezz ta’ ittra pubblika li kienu se jitterminaw il-konċessjoni. Dan ifisser li huwa żgur hu li Abela ma għamel assolutament xejn biex il-poplu ħa l-isptarijiet lura.

Intant, b’rabta mal-iskandlu l-ieħor fil-qasam tas-saħħa ċioè l-allegazzjonijiet ta’ tixħim bejn Carmen Ciantar, il-Kap tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u id il-leminija ta’ Chris Fearne…u kumpanija affiljata ma’ Vitals – Abela insista li għandu fiduċja sħiħa fid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.