Lokali

Camilleri jallega li ta’ Ciantar ivvintawha ta’ Muscat u sħabu

L-allegat tixħim ta’ Carmen Ciantar, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-id il-leminija tal-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne – jaf tkun qlajja; falsità assoluta maħluqa mill-klikka ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.

Dan ġie rrapportat mill-blogger u awtur Mark Camilleri fejn stqarr li l-istorja maħruġa mill-aħbarijiet fil-Pakistan li Ciantar allegatament daħħlet fil-but ‘il fuq minn €400,000 mill-kumpanija Gozo International Medicare Ltd – kumpanija li hi parti mill-Vitals – ma hija xejn ħlief storja falza; bl-ingliż a planted story.

Mark Camilleri jinsab konvint u saħansitra stqarr li jista’ jikkonferma b’awtorità li l-istorja dwar Ciantar hija gidba sħiħa mgħotija lill-istampa Pakistana minn Joseph Muscat u ta’ madwaru.

L-allegazzjonijiet ta’ Camilleri, denji ta’ serje fuq Netflix, komplew billi saħaq li gazzetta Pakistana għandha influwenza minn propogandisti Russi … u li se jkun hemm aktar aħbarijiet irrapportati fil-jiem u ġimgħat li ġejjin kontra l-Ministru Chris Fearne. Bl-iskandlu ta’ dawn il-flejjes tant jikber…illi Carmen Ciantar spiċċat kellha tissospendi lilha nnifisha mill-FMS sabiex, fi kliemha, tkun tista’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha.

F’email lill-Ministru tas-Saħħa, Carmen Ciantar qalet li qed tieħu dan il-pass sabiex tħares l-interessi tal-Gvern u se tkun qed tikkunsidra l-passi kollha neċessarji ħalli tiddefendi isimha u l-integrita’ tagħha.

Fil-fatt, il-Kap tal-FMS qed titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet serji li qed isiru fil-konfront tagħha. Carmen Ciantar talbet formalment lill-Pulizija tinvestiga dawn ir-rapporti li ħarġu fil-media tal-Pakistan u qalet illi kommessa li toħroġ il-verità.

Ciantar trid li l-Kummissarju jikkonkludi l-investigazzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli. Iżda sal-Ġimgħa, Angelo Gafa kien ghadu ma kellimiex – kif ikkonfermat Ciantar innifisha f’korrispondenza lil dan l-istazzjon.