F’xemx tiżrec fil-Matthew Micallef St. John, fil-Marsa bħalissa qed jintrebħu xita ta’ midalji minn Malta, inkluż midalji tad-deheb. Fl-aħħar ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, l-atletika qed tkompli tagħtina emozzjonijiet kbar u li qatt ma għexna bħalhom bħala sport Malti.
Malta tirbaħ deheb u fidda oħra fil-5,000 metru tan-nisa
Jekk din m’hijix ġurnata eċċezzjonali għall-isport Malti, allura ma nafx xi tkun. Fl-atletika, Malta għadha kemm rebħet id-deheb fil-5,000 metru meta Gina McNamara temmet l-ewwel fil-finali f’ħin ta’ 17-il minuta u 11-il sekonda.
Fit-tieni post daħlet Maltija oħra, Lisa Marie Bezzina li rebħet il-fidda. Din hija s-sitt midalja tad-deheb għal Malta llum biss, fl-atletika.
Jordan Gusman jerġa’ jirbaħ id-deheb għal Malta din id-darba fil-5,000 metru tal-Irġiel
Tasal il-ħames midalja tad-deheb għall-Malta fl-atletika biss, u f’din l-aħħar ġurnata tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Din id-darba ir-rebbieħ ta’ midalja tad-deheb reġa’ kien Jordan Gusman, l-atleta Malti fuq distanzi fit-tul, li rebaħ il-finali tal-5,000 metru tal-Irġiel wara li fil-jiem li għaddew hu rebaħ id-deheb fil-finali tal-10,000 metru tal-Irġiel.
Gusman temm it-tellieqa fi 13-il minuta, 51.77 sekondi. F’din l-istess finali kien hemm ukoll il-Malti Simon Spiteri, li temm fit-tmien post.
Anke t-tfajliet Maltin tal-4x100m relay jirbħu d-deheb bħall-irġiel
Tkompli bl-aqwa mod possibli din il-ġurnata storika għall-isport Malti, partikolarment għall-atletika, bir-rebħ tar-raba’ midalja tad-deheb din id-darba permezz tat-tim tan-nisa tar-relay 4x100m.
Janet Richard, Claire Azzopardi, Carla Scicluna u Charlotte Wingfield temmew din it-tellieqa fl-ewwel post f’ħin ta’ 48.45 sekondi.
Malta l-ewwel fil-finali tal-4x100m relay tal-Irġiel
Pajjiżna rebaħ it-tielet midalja tad-deheb fil-ġurnata u fl-atletika permezz tal-atleti Maltin tal-4x100m relay tal-Irġiel. Il-Maltin għelbu l-isfida ta’ San Marino u Ċipru, bl-aktar mod spettakolari biex b’hekk l-ammont ta’ midalji tad-deheb mirbuħa minn Malta f’dawn il-logħob kompla jiżdied bil-kbir.
It-tim Malti kien kompost mill-atleti Graham Pellegrini, Beppe Grillo, Luke Bezzina u Gaetano di Franco u għamlu ħin ta’ 40.59 sekondi.
James Armani jirbaħ id-deheb bl-aħjar qabża fit-Triple Jump
Fil-kompetizzjoni tat-Triple Jump, il-Malti James Armani għamel l-aħjar qabża fost kulħadd biex rebaħ il-midalja tad-deheb għal pajjiżna. Il-qabża ta’ Armani kienet ta’ 14.49 metri. Fl-istess kompetizzjoni, Ian Paul Grech rebaħ ukoll il-bronż għal Malta.
Graham Pellegrini jirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb tal-ġurnata fil-200 metru tal-Irġiel
Graham Pellegrini temm fl-ewwel post fil-200 metru tal-Irġiel f’ħin ta’ 22.21 sekondi biex rebaħ l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta fl-atletika, fl-aħħar ġurnata ta’ dawn il-logħob. Fl-istess tellieqa, il-Malti Beppe Grillo temm fis-sitt post.
//= $special ?>