Basketball GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Basketball Irġiel: Malta fil-finali b’rebħa fuq Montenegro

Colin Schembri

Montenegro….80

Malta…………..84

(21-24)(25-20)(16-16)(18-24)

It-team nazzjonali tal-irġiel kiseb post fil-finali għall-midalja tad-deheb kontra l-Lussemburgu meta għeleb lil Montenegro 84-80 fi tmiem ta’ partita mill-isbaħ sal-aħħar 10 sekondi. Sfortunatament l-aġir ta’Montenegro fi tmiem il-partita tappan il-ġmiel ta’partita li rajna fejn ippruvaw għal diversi drabi jagredixxu lill-uffiċjali tal-partita fejn deher fiċ-ċar li m’aċċettawx il-fatt li ħarġu telliefa. Però dan l-aġir ma jnessi u jtellef xejn mill-emozzjonijiet u l-ferħ tal-players Maltin flimkien mal-ammont kbir ta’ partitarji preżenti.

Il-partita fetħet bl-ewwel punti tal-Maltin minn Joshua Tomasi qabel ma Montenegro kellhom risposta permezz ta’ Zivanovic u Durisic. Hawn waslu l-ewwel punti ta’ Tevin Falzon, protagonist assolut għat-team Malti b’34 punt u disa’ rebounds. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari fuq iż-żewġ naħat bit-team Malti jżomm il-vantaġġ grazzi għal-aktar punti minn Falzon.Montenegro kellhom mument tajjeb b’sitt punti konsekuttivi bejn Kusovac u Vujovic biex marru fuq quddiem però Falzon u Washington ukoll wieġbu b’sitt punti mingħajr risposta biex it-team Malti temm l-ewwel sessjoni 24-21 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Montenegro reġgħu marru fuq quddiem u trippla ta’Zivanovic tathom vantaġġ ta’ 4 punti. Il-Maltin wieġbu bi trippla ta’ Aaron Falzon u l-punti ta’ Samuel Deguara u Jacob Formosa biex f’nofs it-taqsima l-vantaġġ ta’ Montenegro kien ta’ punt 36-35. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin għalkemm Montenegro komplew ikunu miċidjali bit-tripplitagħhom. It-team Malti però rnexxielhu jibqa’ viċin speċjalment bill-free-throws ta’ Deguara u biex fl-intervall basket kien jifred liż-żewġ timijiet bil-Montenegro fuq quddiem 46-44.

It-tielet taqsima rat lil Maltin jirkupraw l-iżvantaġġ wara 4 minuti hekk kif wara li Montenegro fetħu bil-punti ta’Zivanovic, kien hemm risposta minn Nelson Kahler u l-aħwa Falzon għal skor ta’ 49-47. Il-Maltin kellhom żewġ trippli oħra minn Tevin Falzon iżda Kusovac ukoll għamel żewġ trippli għal Montenegro biex il-partita baqgħet missielta u għal darb’oħra kien hemm basket differenza 62-60. Il-partita riedet tiġi deċiża fl-aħħar taqsima li ħalliet lil kulħadd fuq ix-xwiek fejn sat-tielet minuta Montenegro fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 69-63. Wara time-out minn Alan Walls għal Malta, Washington, Deguara u Falzon reġgħu ressqu lil Malta viċin. Hawn wasal l-aqwa mument tal-Maltin bi break ta’ 11-3 b’żewġ trippli wara xulxin minn Falzon. B’minuta u seba’ sekondi għat-tmiem il-partita, Montenegro għamlu l-iskor indaqs 80-80. Washington poġġa lil Malta minn fuq bi 48 sekonda fuq l-arloġġ. Montenegro ma skurjawx fl-attakk ta wara bi block ta’ Deguara li qajjmet putiferju ta’protesti minn naħa ta Montenegro bl-uffiċjali ma jibqalhomx għażla hlief li jabbandunaw il-partita b’10 sekondi mit-tmiem biex il-Maltin bdew jiċċelebraw ir-rebħa.

MontenegroBelsa Zivanovic 19, Bogdan Bojic 2, Miles Krivokapic, Zdravko Boskovic, Marko Kljajevic11, Petar Kusovac 17, Viktor Vujisic 2, Petar Durisic 3, Milos Vujovic 8, Nenand Vukovic 11, Filip Andusic 7.

Malta: Ian Felice Pace, David Bugeja, Alec Felice Pace, Joshua Tomasi 11, Nathan Xuereb, Tevin Falzon 34, Jacob Formosa 2, Aaron Falzon 5, Kurt Cassar, Nelson Kahler 4, Samuel Deguara 11, Eric Washington 17.