GSSE Malta 2023 Sport

Ġurnata storika għall-isport Malti | Team Malta jirbaħ għall-ewwel darba edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Ritratt ta' Matthew Tabone

Malta uffiċjalment rebħet għall-ewwel darba edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar meta temmet id-19-il edizzjoni fl-ewwel post tal-klassifika tal-medalji minn fost id-disa’ pajjiżi parteċipanti. Illum kienet ġurnata oħra eċċezzjonali għal Malta fejn intrebħu total ta’ 36 midalja li 13 minnhom kienu tad-deheb.

B’hekk Malta temmet dawn il-logħob b’rekord bla preċedent fir-rebħ ta’ midalji, b’total ta’ 38 midalja tad-deheb, 30 tal-fidda u 29 tal-bronz. It-total ta’ midalji mirbuħa minn Malta f’dawn il-logħob kien ta’ 97 midalja.

M’hemmx dubju li din kienet l-aqwa ġimgħa fl-istorja għall-isport Malti.

Net News jieħu din l-opportunitá sabiex jifraħ lill-atleti, kowiċs, uffiċjali u kull membru ieħor ta’ Team Malta, inkluż l-assoċjazzjonijiet sportivi li ħadu sehem f’dawn il-logħob għal dan is-suċċess. Prosit ukoll lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-organiżżaturi ta’ dawn il-logħob.