Lokali

“Il-Gvern qiegħed jaħli flus il-poplu u jidħaq bin-nies”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-sit ta’ inċidenti serji li seħħew f’dawn l-aħħar xhur f’Ħ’Attard, l-ADPD ikkrittika l-Gvern ta’ Robert Abela għal mod ta’ kif qiegħed jinjora l-pjanijiet tiegħu stess, billi l-ewwel jonfoq il-mijiet ta’ eluf f’konsulenzi imma mbagħad jinjora r-rapporti.

Dan iwassal għal ħela ta’ flus, ħela ta’ fondi Ewropej u daħq fil-wiċċ.

Diversi kelliema preżenti kkritikaw Project Green – aġenzija ta’ propaganda għal kandidat Laburista – li spiċċat tara kif iżżid il-parking u b’hekk iżżid it-tniġġis, il-konġestjoni u l-mard respiratorju.

Huma saħqu li t-toroq li tant ftaħar bihom il-Gvern ta’ Robert Abela, saru trakki tat-tlielaq, bil-veloċitajiet fis-Central Link jaslu saħansitra sa ftit inqas minn 160 kilometru fis-siegħa. F’appell lill-Gvern huma insistew li hemm bżonn soluzzjonijiet konkreti u aktar infurżar u mhux kliem fieragħ u daħq fil-wiċċ.