Lokali

Is-Sindku tal-Gżira b’ilment uffiċjali dwar iċ-ċensura li saret mill-PBS waqt il-protesta ‘Xebbajtuna’

Is-Sindku Laburista tal-Gżira, Conrad Borg Manche ħabbar li se jkun qed jagħmel ilment uffiċjali mal-awtorità tax-xandir dwar iċ-ċensura li saret waqt l-aħbarijiet tal-PBS meta ġiet irraportata l-protesta ambjentali bit-tema ‘Xebbajtuna’.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Borg Manche qal li l-fatt li s-sindki li tkellmu waqt il-protesta, wieħed minnhom hu stess, ma ġewx irraportati mhu xejn għajr ċensura li saret bl-iktar mod sfaċċat. U dan wassal biss għal disservizz lejn il-poplu li jiffinanzja l-istazzjon nazzjonali.

Is-Sindku tal-Gżira kien diġa’ bagħat ilment lill-PBS dwar dan, bit-tweġiba tagħhom tkun li r-rapport dwar din il-protesta sar bi prominenza u li ma nħassitx l-importanza li jiġu rraportati d-diskorsi tas-sindki.

Borg Manche fakkar kif skont il-liġi li tirregola l-aħbarijiet, kull xandir għandu r-responsabbiltà li jwassal l-aħbar eżatti kif seħħet u mibnija fuq fatti kif ġraw, filwaqt li fl-ebda mument aħbar ma tista’ tkun mibnija bħala editorjal.

Fid-dawl ta’ dan, Borg Manche qal illi iż-żewġ sindki li tkellmu, ħadu l-irwol ta’ sindki għax il-poplu għażilhom biex jirrapreżentawhom. U huwa għalhekk li kien fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu illi jkun mgħarraf x’intqal fl-indirizz tagħhom.

Kienu eluf dawk li attendew il-protesta li saret fil-Belt Valletta fil-jiem illi għaddew – protesta li sejħet lill-awtoritajiet biex jieqfu mill-isfreġju ambjentali li issa ilna naraw għal dawn l-aħħar snin. Bil-PBS għażel lil min jirraporta … u lil min iħalli barra.

Issa, ix-Xandir Nazzjonali ilu xhur – b’mod ripetut – jinstab ħati ta’ żbilanċ. Għalkemm kollox qed jindika li l-PBS baqa’ għadda b’din l-istrateġija.