Lokali

Joseph Muscat jgħid li l-eks Kabinett tiegħu issa qed “ifarfar u jwarrab”

“Meta l-affarijiet imorru tajjeb, kulħadd jippoppa sidru – meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb, kulħadd ifarfar u jwarrab.”

Hekk sostna l-eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat, li kellu jirriżenja minn Prim Ministru fl-eqqel tal-kriżi politika, meta kien mistoqsi dwar id-deals ta’ Vitals u Steward waqt intervista li saritlu mill-propogandista Laburista Emmanuel Cuschieri l-Ġimgħa filgħaxija fuq l-istazzjon Smash.

Joseph Muscat saħaq li kull min kellu jkun mgħarraf dwar id-deals kien mgħarraf filwaqt li insista li kellu Ministri fil-Kabinett impikati ma’ xulxin.

Muscat kritika l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-isptarijiet….fejn insista li kollox qed jintqal skont l-interpretazzjoni, hekk kif hawn min jara t-tazza nofsa vojta u oħrajn nofsa mimlija.

Muscat insista li l-iżbalji li jsemmi l-Awditur huma kollha frott l-għaġla u qabel id-deċiżjonijiet li ħa; bħal kowċ ta’ tim tal-futbol li jkun qed jagħti struzzjonijijet waqt logħoba.

Iżda, minkejja kollox xorta waħda ddefenda lil sieħbu u l-istar candidate Laburista Konrad Mizzi hekk kif insista li mhux veru li żgwida l-Kabinett.

Filwaqt li Muscat ma xeħet l-ebda dawl għalfejn Gvern immexxi minnu daħal għal garanzija ta’ €100 miljun ma’ Steward Healthcare – huwa rrifjuta għal kollox li l-isptarijiet tawhom f’idejn il-privat.

Diskors surreali, li kompla jitħabbel meta allega li kien hemm min kellu interessi lil’ hinn mill-politika biex il-ftehim mal-Amerikani ma jseħħx. Dan filwaqt li sussegwentament attakka 5% tal-persuni involuti fis-settur tas-Saħħa u saħaq li dawn ma jridux jinbidlu.

Joseph Muscat insista li hu qatt ma ħa xejn mingħand ħadd ħlief għal xogħol, u kkonferma li huwa minnu li kellu x’jaqsam ma negozjati biex konsorzju jieħu f’idejh it-tim tal-futbol ta’ Crystal Palace – negozjati li sussegwentament fallew.

L-eks Mexxej tal-Labour irrepeta li qal ftit tal-jiem ilu ċioe li għandu l-mażuni kontrih u sostna li jridu jsalbuh bħal Dom Mintoff. Dan filwaqt li stqarr li jiddejjaq li quddiem dan kollu….min suppost jiddefendih jibqa’ ħaqu magħluq – botta ċara għal Robert Abela u sħabu – u ddeċieda li jfaħħar lil Cuschieri. L-istess Cuschieri li tkeċċa minn fuq l-istazzjonijiet tal-ONE minn Abela nnifsu…u ġimgħat wara kellu jerġa’ jieħdu lura minħabba r-rebus li qajjimlu internament.

Intant, Muscat kompla jattakka lill-Maġistrat Gabriella Vella u mid-diskors tieghu irrassenja ruħu li se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti. Dan filwaqt li hedded li jekk jerġgħu jiftħu l-każ ta’ egrant se jkun qeigħed ifittex għad-danni lil min ikun talabha biex tinfetaħ.