Lokali

Abela b’diskors li nesa l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin

Il-Ħadd filgħodu erġajna assistenjna għal diskors ieħor minn Robert Abela li ma ta ebda proposti konkreti. Diskors identiku ġimgħa wara ġimgħa, li mill-ġdid jerġa’ ma jagħti l-ebda soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet li verament qed jaffetwaw u jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt attività politika li saret fiċ-Ċentru Laburista, f’Ħad-Dingli, Robert Abela għaraf li pajjiżna għaddej minn problemi u sfidi kbar, bħall-problema tat-traffiku u l-inflazzjoni… iżda minflok ta soluzzjonijiet għal dan, għażel li jibqa’ ċass u minflok waħħal fil-mentalità tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Meta nitkellmu dwar l-isfidi tal-pajjiż, inpoġġi fuq quddiem il-kwistjoni tal-mentalità,” qal Robert Abela.

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela ma tax soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ riżorsi fil-Korp tal-Pulizija u l-qrati, u s-sitwazzjoni diżastruża fis-settur tas-saħħa; b’diversi mediċini li jinsabu out-of-stock u nuqqas ta’ ħaddiema fl-isptarijiet b’detriment għall-pazjent.

Robert Abela qal li l-Gvern tiegħu kemm-il darba tkellem dwar diversi kwistjonijiet… iżda kliemu weħel biss fuq id-diskors u mhux fuq l-azzjonijiet li l-Gvern tiegħu seta’ wettaq fl-aħħar snin.

Fid-dawl ta’ dan, ħafna qed ifakkru lil Abela li huwa inutli li jagħmel dak kollu li jista’ biex jinjora dawn il-problemi meta din hija sitwazzjoni mill-aktar realistika li kull individwu u kull familja qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħha ta’ kuljum.

Fost dawn hemm il-fatt li Robert Abela jinsab deċiż li t-taxxa fuq il-COLA ma jeliminahiex. Dan meta stħarriġ ippubblikat fl-aħħar jiem wera li terz tal-popolazzjoni jinsabu finanzjarjament agħar mis-sena l-oħra u għaldaqstant, aktar minn qatt qabel, huwa ta’ importanza assoluta li l-familji jkollhom aktar flus fil-but.

Iżda Robert Abela qed jibqa’ jagħżel li jintaxxa l-għajnuna  – fejn kumplessivament il-poplu qed jiġi ntaxxat €25 miljun mill-għajnuna tal-COLA biss.

Filwaqt li l-viżjoni ta’ Robert Abela hi waħda mċajpra, Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiem biex ta s-soluzzjonijiet għall-isfidi li kull Malti u Għawdxi qed jaffaċja. Fost dawn hemm li l-COLA ma tiġix intaxxata, il-ġlieda ma taqta’ xejn biex it-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex is-settur tas-saħħa jissaħħaħ u iktar fondi u riżorsi għas-sigurtà ta’ pajjiżna.

Iżda għal dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jinjora dawn il-problemi qisu xejn mhu xejn, filwaqt li jwarrab lill-poplu wara li għażlu biex imexxi lil pajjiżna.