Lokali

AĠĠORNATA: Għaddas jitlef ħajtu f’Manoel Island

Mewta oħra fil-Gżejjer Maltin dan hekk kif bugħaddas ta’ 44 sena sfortunatament tilef ħajtu wara li nstab f’diffikulta fil-baħar fiż-żona ta’ Manoel Island.

Kien għall-ħabta tal-5:30 il-Ħadd waranofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza minħabba li kien hemm persuna li tinsab f’diffikultà fil-baħar fl-inħawi ta’ Manoel Island, il-Gżira.

Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru minnufih fil-post fejn sabu lill-bugħaddas fuq l-art wara li ttella’ mill-baħar minn xi nies li kienu miegħu.

Huwa mill-ewwel beda jingħata l-assistenza medika u ambulanza ħaditu l-isptar għall-aktar kura, iżda sfortunatament, ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Aktar tard, il-vittma ġie identifikat bħala Russu ta’ 44 sena.

Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.