Lokali

“Għinuna nkomplu nkunu effettivi billi nsaħħu l-messaġġ tagħna” – Michael Piccinino

Illum il-Partit Nazzjonalista se jorganizza maratona ġbir ta' fondi biex ikompli jsaħħaħ l-operat tiegħu għal messaġġ aktar effettiv

Il-Partit Nazzjonalista llum se jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq it-tisħiħ tal-messaġġ tiegħu. Għaliex filwaqt li Robert Abela m’għandu l-ebda problema ta’ flus biex iwassal il-messaġġ qarrieqi tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid jissielet biex jikseb il-mezzi ħalli jkun jista’ jwassal il-vuċi tiegħu għand in-nies.

Michael Piccinino, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzonalista, f’kummenti lil Il-Mument beda biex qal li din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza hi waħda mill-aktar importanti għaliex permezz tagħha jrid li jinġabru fondi mill-aktar meħtieġa biex bihom il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jissokta jsaħħaħ it-twassil tal-messaġġ tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem bla heda biex aktar u aktar Maltin u Għawdxin jifhmu s-serjetà u l-gravità tal-politika ta’ Robert Abela li qiegħed ikompli jaħtaf l-istituzzjonijiet u ma jħallihomx jaħdmu kif mistenni u kif mixtieq.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista hu importanti li jkollu l-mezzi finanzjarji tiegħu biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu u dan bid-diversi forom ta’ midja li għandu l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri permezz tal-portal, tar-radju, tat-televiżjoni u anki tal-gurnal In-Nazzjon u l-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd Il-Mument.

Michael Piccinino kompla li kulmin jixtieq jara l-bidla fil-pajjiż, allura għandu jagħmel l-almu tiegħu biex ikompli jikkontribwixxi biex jara lill-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ. Għaliex is-sitwazzjoni fil-pajjiż hi waħda mill-aktar gravi u l-poplu Malti u Għawdxi u anki pajjiżna ma jixraqilhomx Gvern li jippermetti dawn l-abbużi kollha li qed ikomplu jseħħu madwarna. Ma jgħaddix jum wieħed biss li ma nisimgħux b’xi storja ġdida li tħammar wiċċ il-Gvern; wiċċ Robert Abela; wiċċ dawk li jappoġġjaw dawn il-ħniżrijiet ta’ abbużi u ffangar minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Partit Nazzjonalista juża b’reqqa kbira ħafna l-flus kollha li jinġabru, fosthom biex jorganizza l-attivitajiet tiegħu. Meta l-Partit jorganizza attività kbira, xi protesta fuq livell nazzjonali, allura l-ispiża hi ta’ eluf ta’ ewro.

Biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu għandu bżonn ħafna fondi… kuntrarju għal Robert Abela li m’għandu l-ebda problema ta’ finanzi biex iwassal il-messaġġ tiegħu għaliex għandu mhux biss il-midja tiegħu, iżda wkoll dik tal-Istazzjon Nazzjonali li flok ma jxandar b’mod imparzjali, ixandar biss dak li jaqbel lill-Gvern Laburista u dan hu ta’ insult għall-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex f’demokrazija b’saħħitha l-affarijiet m’għandhomx isiru hekk.

Michael Piccinino kompla biex tkellem ukoll dwar l-importanza tal-voluntieri u qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti importanza kbira lill-voluntieri li jimmilitaw fi ħdan il-Partit. U dawk kollha li jixtiequ li jingħaqdu mal-armata tal-Partit Nazzjonalista fil-volontarjat, għandhom isibu l-bieb tad-Dar Ċentrali miftuħ biex huma wkoll jagħtu mill-ħin tagħhom għaliex għandek kemm għandek voluntieri, qatt m’għandek biżżejjed.

Michael Piccinino temm li kontra l-attitudni tal-arroganza ta’ Robert Abela u l-banda tiegħu li jirromblaw fuq kulħadd bla ebda mistħija u prudenza ta’ xejn, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u se jkompli jkun viċin tan-nies li min-naħa tagħhom għandhom jgħinu lill-Partit Nazzjonalista biex ikun effettiv fit-tixrid tal-messaġġ tiegħu u dan għaliex il-polu Malti u Għawdxi jixraqlu biss Gvern li jkun jirrispetta x-xewqat tal-poplu u jkun akkontabbli mhux bħal Robert Abela li quddiem il-korruzzjoni u l-iskandi jibqa’ indifferenti u ċass.