Basketball GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Basketball Irġiel: Lussemburgu jerbħu l-midalja tad-deheb u Malta fit-tieni post

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Lussembrugu….78

Malta……………….69

(20-20)(20-10)(20-17)(18-22)

Lussemburgu huma r-rebbieħa tal-midalja tad-deheb fl-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Malta 2023 wara li fil-finali għelbu lil Malta 78-69 quddiem padiljun ippakjat bil-pubbliku Malti li ġie bi ħġaru bex jagħti s-support tiegħu. Il-partita kienet b’diversi uċuh bit-team tal-Lussemburgu konsistenti bi kważi 20 punt kull taqsima. It-team Malti kien stupend f’rimonta fl-aħħar taqsima però sfortunatament ma kinietx biżżejjed biex issalva l-partita. It-team ta’ Lussemburgu dar madwar Clancy Rugg li spiċċa b’total ta’ 34 punt b’persentaġġ ta’ 77% minn ġewwa u 100% mill-free-throw line minbarra l-ħmistax -il rebound.

Rugg mall-ewwel wera l-potenzjal tiegħhu bi trippla wara biss ħdax -il sekonda li però ġiet imwieġba b’mod immedjat minn Tevin Falzon. Għal ħin twil tul it-taqsima kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat fejn Rugg u Laurent kisbu l-punti ta’ Lussemburgu fil-waqt li għal Maltin kien hemm il-punti mnn Washington, Kahler u Tomasi. Lussemburgu fetħu vantaġġ ta’ 5 punti però t-team Malti wieġeb bi trippla ta’ Jacob Formosa u Aaron Falzon għal parita ta’ 20-20. Lussemburgu fetħu tajjeb fit-tieni perjodu bi trippla ta’ Gutenkauf u żewġ baskets ta’ Rugg. Il-Maltin ġew lura permezz ta’ Tomasi u Kahler però Rugg kompla jirrispondi kontinwament għal Lussemburgu. Fl-aħħar minuta u nofs kien hemm ħames punti mingħajr risposta minn Lussemburgu biex daħlu jistrieħu 40-30 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm ir-risposta bikrija tal-Maltin minn David Bugeja però Lussemburgu għamlu run ta’ 15-6 u Lussemburgu fetħu vantaġġ massimu ta’ 19 -il punt 60-41 wara baskets minn Rugg, Gutenkauf u Grun. Il-Maltin irnexxielhom iġibu sitt punti lura minn Samuel Deguara u trippla ta’ Tevin Falzon għal skor ta’ 60-47. It-team Malti żamm il-momentum ankè fil-ftuħ tar-raba’ taqsima fejn kien imħeġġeġ bis-support enormi tal-padiljun. It-team Malti għamel run stupenda ta’ 17-1 bi trippli minn Washington u Falzon flimkien ma’ Bugeja u Deguara. Dan wassal biex fis-sitt minuta t-team Malti mar basket minn fuq 66-64. Sfortunatament ir-risposta ta’ Lussemburgu ġiet bi break ta’ 10-0 li bdiet bi trippla ta’ Gutenkauf u f’temp ta’ minuta reġgħu marru 10 minn fuq. Washintgon għamel żewġ freethrows però l-ħin kien kontra l-Maltin u Rugg u Laurent għalqu l-partita favur Lussemburgu li ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 78-69. Il-preżentazzjoni tal-midalji saret mill-President il-ġdid tal-FIBA Europe Jorge Garbajosa li kien elett eżattament ġimgħa ilhu flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana u s-Segretarju Ġenerali Joseph Muscat.

Lussemburgu: Malcolm Kreps 4, Derek Wilson, Philippe Gutenkauf 11, Thomas Grun 11, Mihailo Andjelkovic, Alex Laurent 13, Joe Kalmes, Oliver Vujakovic 3, Lou Demuth, Clancy Rugg 34, Xavier Francois 2, Ivan Delgado.

Malta: Ian Felice Pace, David Bugeja 7, Alec Felice Pace, Joshua Tomasi 8, Nathan Xuereb, Tevin Falzon 10, Jacob Formosa 3, Aaron Falzon 6, Kurt Cassar 2, Nelson Kahler 6, Samuel Deguara 12, Eric Washington 15.