Internazzjonali

Hong Kong: Arresti u ripressjoni waqt l-anniversarju tal-massakru fi Tiananmen

Il-Pulizija f’Hong Kong arrestaw numru ta’ attivisti favur id-demokrazija waqt l-anniversarju tal-massakru tad-dimostranti favur id-demokrazija li kien seħħ fl-4 ta’ Ġunju tal-1989, f’Beijing, il-kapitali taċ-Ċina.

Intant, madwar id-dinja saru xorta l-velji ta’ kommemorazzjoni għall-vittmi ( ħafna minnhom studenti) tal-1989 fi Pjazza Tiananmen anki jekk l-awtoritajiet fiċ-Ċina u Hong Kong ma permettewx li n-nies ifakkru pubblikament f’meta t-truppi u t-tankijiet tal-Gvern komunista Ċiniż qatlu mijiet ta’ ċivili li kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku.

Dan meta numru ta’ sorsi jikkalkulaw li l-mejtin fi Tiananmen setgħu laħħqu mal-10,000 – bil-Gvern Ċiniż qed jirrifjuta sallum li jiżvela l-informazzjoni kollha relatata mal-massakru.

Il-protesti fi Pjazza Tiananmen ilhom is-snin simbolu għad-dimostrazzjonijiet favur il-ħelsien politiku u l-aħħar arresti f’Hong Kong qed jidhru bħala parti mill-aġenda taċ-Ċina biex toħnoq id-dissens u ‘l-attivitajiet għal ħajja ħielsa’.

Fost l-arrestati f’Hong Kong kien hemm anki l-Kap ta’ wieħed mill-gruppi tal-Oppożizzjoni – u meta dimostrazzjonijiet bħal dawn ilhom ipprojbiti fit-territorju mindu l-Gvern Ċiniż, ftit snin ilu, impona liġi stretta dwar is-sigurtà li tiddikjara diversi forom ta’ dissens bħala illegali.