Darren Carabott, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzoni Pubblika, qal li l-Partit Nazzjonalista għadu kemm nieda konsultazzjoni pubblika biex jisma’ aktar lill-poplu Malti u Għawdxi, inkluż lill-għaqdiet mhux governattivi, dwar il-ħtieġa ta’ responsabbiltà u akkontabbiltà akbar fid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Gvern dwar l-ambjent ta’ madwarna.
Għalhekk fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta Abbozz ta’ Liġi li għall-ewwel darba se jkun qed jintroduċi d-dritt fundamentali tal-bniedem għal ambjent nadif, san u sostenibbli.
Aktar kmieni din il-ġimgħa tkellimt ma’ Darren Carabott dwar din l-inizjattiva ferm importanti u beda biex jirringrazzja lil numru ta’ għaqliet u persuni li ħadu interess fil-laqgħat ta’ konsultazzjoni u ġew b’numru ta’ proposti biex insaħħu u nipporteġu l-ambjent Malti.
Qali li issa fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalist se jkun qed jippreżenta Abbozz ta’ Liġi li għall-ewwel darba se jintroduċi d-dritt fundamentali tal-bniedem għall-ambjent nadif, san u sostenibbli.
Dan ifisser li l-Partit Nazjonalista se jkun qed iressaq l-aktar Liġi b’saħħitha li qatt tressqet fl-istorja ta’ pajjiżna proprju bl-iskop li flimkien inħarsu l-ambjent Malti.
Darren Carabott fisser li f’dan l-Abbozz ta’ Liġi mhux biss se nħarsu l-ambjent Malti, imma permezz tiegħu se nkunu qed insaħħu l-pożizzjoni legali ta’ kull persuna interessata, inkluż lill-għaqdiet mhux governattivi biex jikkontestaw deċiżjonijiet ambjentali tal-Gvern u fl-istess waqt nipprovdu kemm għal miżuri preventivi u anki rimedjali.
Darren Carabott kompla li hu se jkun qed jippreżenta dan l-Abbozz ta’ Liġi bħala l-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u dan peress li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jieħu deċiżjonijiet favur l-ambjent u mhux li jeqred l-ambjent li ngħixu fih.
Filwaqt li qal li miegħu f’din l-inizjattiva hemm id-Deputati Nazzjonalisti Janice Chetcuti, Stanley Zamit, Rebekah Borg u Eve Borg Bonello, Darren Carabott qal li l-awguri tiegħu hu li jittieħed vot pożittiv għal tibdil fil-Kostituzzjoni tagħna, l-ogħla livell ta’ Liġi f’pajjiżna fejn allura se jkun hemm bżonn vot ta’ żewġ terzi fil-Kamra.
Hu qal li tajjeb li wieħed jifhem l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jinsisti li hemm bżonn ta’ aktar responsabbiltà u akkontabbiltà fid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Gvern dwar l-ambjent Malti.
F’pajjiżna daħlet użanza li, dwar deċiżjonijiet li jolqtu l-Ambjent jiddeċiedi biss il-Gvern u ħadd aktar ma jista’ jagħmel xejn.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna qatt ma ra sfreġji ambjentali u deċiżjonijiet li jittieħdu kontra l-interess pubbliku daqs dawn l-aħħar snin, minkejja ħafna wegħdiet u propaganda li xi darba se jsir xi ħaġa favur l-Ambjent.
Darren Carabott issokta li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista beda kampanja ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ numru ta’ għaqdiet ambjentali, fejn qed jistieden lil kull min hu ta’ rieda tajba biex jersaq bis-suġġerimenti tiegħu dwar kif tista’ titjieb l-amminstrazzjoni pubblika dwar l-Ambjent.
Fl-aħħar ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta quddiem il-Parlament Malti Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni u jintroduċi għall-ewwel darba “Id-Dritt għall-Ambjent bħala dritt fundamentali tal-bniedem”.
Sal-lum, hemm biss dikjarazzjoni li l-Gvern irid jipproteġi l-ambjent. Iżda b’din l-emenda, jingħata d-dritt għall-infurzar ta’ dritt fundamentali tal-bniedem, u allura l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli, lill-Ambjent.
Dan ifisser emenda li ġġib bidla radikali f’pajjiżna, kemm dwar il-mod kif nipproteġu l-Ambjent Malti, kif ukoll dwar skrutinju fuq id-deċiżjonijiet ambjentali tal-Gvern.
Hu fisser li permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, filwaqt li se jkompli jisma’ lill-poplu u lill-għaqdiet mhux governattivi li jridu azzjoni u responsabbiltà għad-deċiżjonijiet ambjentali, il-Partit Nazzjonalista qed:
* Jagħmel dikjarazzjoni ċara u inekwivoka tal-impenn biex nipproteġu l-Ambjent Malti
* Itejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni Maltija u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin
* Joffri protezzjoni u jikkonserva l-arja, l-art u l-ilma
* Jagħti protezzjoni lil-biodiversità u lill-ekosistemi
* Jintroduċi kontabbiltà u responsabbiltà mill-Gvern u mill-awtoritajiet relattivi fi kwistjonijiet ambjentali
* Jappoġġja żieda fl-involviment pubbliku fil-governanza ambjentali
* Jippromwovi edukazzjoni fir-rigward tal-Ambjent
* Jappoġġja prattika tajba biex ikollna Ambjent li kapaċi jsostni s-soċjetà umana u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem
* Itejjeb il-koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn għall-isforz globali favur il-protezzjoni tal-Ambjent.
Iżda biex nagħmlu dan kollu, irridu bidla radikali fil-Liġi tagħna, kif ukoll bżonn ta’ għodda b’saħħitha. Dan hu pass ieħor kif il-Partit Nazzjonalista, bil-fatti u mhux bil-kliem biss, irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna li tgħix f’Malta u tal-ġenerazzjonijiet futuri, temm jgħid Darren Carabott.
//= $special ?>