Internazzjonali

Il-Ġermanja: Dimostranti radikali jiġġieldu mal-pulizija f’Leipzig waqt tensjoni politika

Id-dimostranti tax-xellug u l-pulizija Ġermaniża konfrontaw lil xulxin għat-tieni lejl konsekuttiv fost ix-xeni ta’ vjolenza li fihom weġġgħu numru ta’ nies.

L-inkwiet kien dovut għal sentenza ta’ ħabs li ngħatat lil mara – magħrufa bħala Lina E – li nstabet ħatja dwar attakki mill-estremisti sħabha tax-xellug fuq estremisti Neo-Nażisti tal-lemin. Intant, u waqt li Lina E weħlet ħames snin ħabs b’konnessjoni mal-attakki,  hi, bħalissa, tinsab libera wara li kienet ilha taħt priġunerija mill-2020 u meta għadu pendenti appell imressaq minnha.

Fl-aħħar sigħat, id-dimostranti fil-belt ta’ Leipzig tellgħu r-road blocks minbarra li qabbdu n-nirien u garaw il-ġebel u l-fliexken lejn il-pulizija.

Id-dimostrazzjoni ma kenitx permessa bil-liġi, iżda xorta waħda ħarġu jipprotestaw talanqas 1,500 li parti kbira minnhom, skont il-pulizija, kienu ‘disposti għall-vjolenza’.

Il-vjolenza segwiet l-azzjonijiet ta’ matul il-lejl preċedenti meta mijiet ta’ dimostranti kienu qabbdu n-nirien fit-toroq u waddbu l-ġebel lejn il-karozzi tal-pulizija minn fuq il-bjut tal-bini.

Lina-E qed tissemma bħala l-kap ta’ grupp estremista li għal diversi snin mexxa kampanja ta’ vjolenza fuq stil ta’ vigilante kontra n-neo-Nażisti. Il-persuni li mexxew dawn l-azzjonijiet kienu armati bl-imrietel, il-lembubi u l-biċċiet tal-ħadid bħala protagonisti f’ċiklu ta’ vjolenza kontinwa.

U wara li Lina E kienet instabet ħatja, żbruffaw il-protesti f’diversi bliet tal-Ġermanja fejn il-pulizija lokali wkoll spiċċaw suġġetti għall-attakki mid-dimostranti.

Intant, tliet irġiel li nstabu ħatja flimkien ma’ Lina E, ukoll ingħataw sentenzi tal-ħabs f’nofs il-ġimgħa li għaddiet.

Fl-istess ħin, ħafna Ġermaniżi jinsabu rrabjati dwar id-deċiżjoni biex Lina E ma tinżammx il-ħabs aktar wara li kienet ilha taħt kustodju għall-aħħar sentejn u nofs. Dan għaliex huma qed jinterpretaw id-deċiżjoni bħala waħda li timplika li l-vjolenza kontra l-estremisti tal-lemin hi ‘aċċettabbli u permissibbli’.

Qed jingħad li Lina E qed tbati minn problemi tas-saħħa waqt li kien ikkonfermat li hi kellha tgħaddi d-dokument tal-identità u l-passaport tagħha lill-awtoritajiet Ġermaniżi hi u tistenna r-riżultat tal-appell.