Clyde Caruana kien il-persuna responsabbli minn Jobs Plus meta Malta bdiet taddotta l-politika tal-importazzjoni tal-ħaddiema barranin.
Illum – għaxar snin wara – l-istess Ministru qed jgħid illi jekk pajjiżna jrid li jibqa’ kompetittiv quddiem l-isfidi lokali u dawk internazzjonali, għandu jbiddel il-mudell ekonomiku tiegħu.
Clyde Caruana sostna dan meta kien qed jindirizza l-konferenza bl-isem ‘Rethink and Reform’ organizzata mill-Istitut Malti tal-Accountants, fejn sostna li pajjiżna għandu bżonn bidla strutturali u mhux sempliċiment riforma.
Artiklu ppubbllikat mit-Times of Malta rrefera għal dak li qal Caruana fejn wissa li jekk Malta ma jkollhiex mudell ekonomiku ġdid, sas-sena 2040 il-popolazzjoni ta’ pajjiżna se jkollha titla’ għal 800,000 persuna.
Bil-Ministru issa qed jgħid li mudell ekonomiku ġdid għandu jwassal sabiex ikun hemm aktar valur miżjud; b’inqas pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista, l-ngo’s u l-Korpi Kostitwiti ilhom jgħiduha snin sħaħ.
Il-Ministru Caruana aċċenna għall-fatt li f’dawn l-aħħar snin il-popolazzjoni Maltija żdiedet b’25% fejn il-fattur ewlieni li wassal għal din iż-żieda kien l-influss tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Eżerċizzju li sar riċentament wera li sabiex wieħed iżomm tkabbir ekonomiku f’livell medju ta’ 4.2%… il-popolazzjoni ta’ pajjiżna jeħtieġ li titla’ għal 800,000 sa 17-il sena oħra. B’Caruana juri tħassib dwar ir-riperkussjonijiet ta’ din iż-żieda drastika fil-popolazzjoni fuq l-ambjent, l-infrastruttura u r-riżorsi ta’ pajjiżna.
Il-Ministru tal-Finanzi żied jgħid li mhux biss hemm bżonn li ssir din il-bidla fl-istruttura ekonomika ta’ Malta iżda din il-bidla trid issir b’rata mgħaġġla iktar minn dik tal-kompetituri ta’ pajjiżna. B’analisti jirrimarkaw li l-Ministru stess għandu jiskatta din il-bidla, u mhux sempliciment jitkellem fuqha.
Din mhux l-ewwel darba li Clyde Caruana appella sabiex jinbidel il-mudell ekonomiku fejn aktar kmieni din is-sena saħaq li Malta għandha bżonn issib metodi ġodda ta’ kif tkabbar l-ekonomija – mhux bil-kostruzzjoni. Anke f’dan l-aspett, il-Partit Nazzjonalista issa ilu jsemmi l-ħtieġa li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda li joffru jobs ta’ kwalità b’pagi aħjar.
//= $special ?>