Ir-residenti Beltin se jkunu qed jieħdu azzjonijiet legali dwar id-daqq tal-mużika sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jekk il-Gvern mhux se jwaqqa’ l-Avviż Legali li kien daħħal fis-seħħ sena ilu. Dan hekk kif huma qed iqisu dan l-Avviż Legali bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Fi protesta ġudizzjarju, numru ta’ residenti insistew illi l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna nbidlet minn post li huwa wirt dinji… għal ċentru tad-divertiment. Xi ħaġa li ilha x-xhur taffetwa sew lir-residenti, lit-turisti u n-negozji infushom.
Dawn ir-residenti preżentaw protest ġudizzjarju li ġie mressaq kontra il-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri, u s-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit, fost oħrajn.
Ir-residenti wissew li se jibdew jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa hekk kif l-avviż legali li ddaħħal mill-Gvern ta’ Robert Abela wassal biex ta’ kull lejl ir-residenti jkollhom joqgħodu jisimgħu mużika għolja, għajjat tan-nies u anke kant, bir-residenti mhux qed jirnexxilhom ikollhom il-mistrieh dovut.
Kien fid-dawl ta’ dan li r-residenti qed iżommu lill-Ministru Silvio Schembri u lis-Sindku responsabbli għal dak kollu li għaddejjin minnu.
Meta sena ilu intalbu jagħtu l-pożizzjoni tagħhom dwar dan l-Avviż Legali …. ħadd mid-Deputati tal-Partit Laburista tal-Ewwel Distrett ma kien wieġeb. Minflok, kienet ingħatat risposta komuni mill-Partit Laburista illi tgħid li d-Deputati tal-Labour jaqblu ma’ dan l-Avviż Legali li estenda d-daqq tal-mużika sas-1am.
B’kuntrast, il-PN kien tkellem b’saħħa kontra l-mod kif saru l-affarijiet. Filwaqt li l-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Belt Valletta ukoll kienu front wieħed favur ir-residenti.
//= $special ?>