Internazzjonali

L-Indja: Il-kaġun għad-diżastru tal-ferroviji jsir magħruf biss wara inkjesta komprensiva

Il-poplu fl-Indja qed jistenna l-ispjegazzjonijiet ċari u konkreti dwar ir-raġuni ‘eżatta’ għat-traġedja ta’ nhar il-Ġimgħa bil-ferroviji li ħalliet talanqas 280 mejtin u aktar minn 800 midruba. It-traġedja – l-agħar fl-Indja għal dan is-seklu—seħħet meta żewġ ferroviji ‘express’ tal-passiġġieri u ferrovija oħra għall-ġarr tal-merkanzija kienu involuti f’ħabta qrib stazzjon fl-Istat ta’ Odisha.

Waħda mill-ferroviji ‘express’ baqgħet dieħla direttament fil-ferrovija tal-merkanzija li kienet wieqfa u bil-vaguni tagħha jinqalbu għal fuq binarju differenti tan-network – bir-riżultat li l-ferrovija l-oħra li kienet għaddejja minn dik ir-rotta spiċċat taqbeż il-linji.

Qed jidher ċar li l-kaġun ewlieni għad-diżgrazzja għandu jsir magħruf biss wara inkjesta komprensiva – bl-inċident mill-ġdid iqajjem l-inkwiet dwar kemm hu sikur l-ivvjaġġar bil-ferrovija fl-Indja.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Indjan responsabbli mill-ferroviji, Ashwini Vaishnaw, issuġġerixxa li problema fis-sistema li tagħti s-sinjali lill-ferroviji setgħet wasslet għat-traġedja. Issemmiet anki problema fis-sistema għall-interlocking elettroniku tal-binarji u l-Ministru sostna li xi persuni responsabbli għall-ħabta kienu identifikati  — għalkemm hu ma tax dettalji.

Dan ukoll fost stennija għal rapport finali u konklussiv dwar din it-traġedja.

Skont l-aħħar rapporti, xi mijiet fost il-midruba fl-inċident inħelsu mill-isptar iżda hemm ukoll il-familji li għadhom qed ifittxu għall-għeżież mitlufa li kienu qed jivvjaġġaw fuq iż-żewġ ferroviji ‘express’.

Kelliema għall-Bord tal-Ferroviji Nazzjonali, qalu li l-ferroviji tal-passiġġieri kellhom jgħaddu qrib ta’ xulxin fuq il-binarji ewleniin tan-network iżda waħda minnhom ‘għal xi raġuni jew oħra’ kellha taħbat mat-tielet ferrovija li kienet qed iġġorr materjal tal-ħadid. Il-ferrovija tal-passiġġieri, intant, sofriet bil-wisq l-akbar impatt, bil-ferrovija tal-merkanzija bilkemm tiċċaqlaq fil-ħabta.