Internazzjonali

L-Ukrajna: Aktar attakki tar-Russi fuq il-popolazzjoni ċivili — b’diversi tfal fost il-vittmi

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, reġa’ ikkundanna bl-aħrax lir-Russja dwar allegata ‘kampanja ta’ terrur’ fuq iċ-ċivili Ukreni u wara li tarbija ta’ sentejn tilfet ħajjitha waqt attakk mill-ajru tar-Russi fuq il-belt ta’ Dnipro.

Fl-istess attakk indarbu madwar 30 persuna, uħud minnhom tfal, u fl-aħħar sigħat, l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed ifittxu qalb ir-radam ta’ blokk ta’ bini għar-residenti rappurtati neqsin.

L-attakk tar-Russi konċentra speċifikament fuq zona residenzjali ta’ Dnipro, bl-iskwadri għall-emerġenza jelevaw il-katavru tat-tifla mit-tifrik qalb il-komunità ta’Pidhorodnenska. Sar magħruf ukoll li xi tfal midruba fl-attakk baqgħu miżmuma l-isptar f’kundizzjoni serja u fost rapporti li huma setgħu kienu f’periklu tal-mewt.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema għall-Kremlin, f’Moska, ma wieġbux għall-akkużi li qed imexxu gwerra diretta fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Zelensky qed jirreferi għal ‘aktar reati tal-gwerra’ min-naħa tar-Russja, li, qabel, ċaħdet kategorikament li qed taħseb biex tattakka liċ-ċivili waqt l-invażjoni tal-artijiet Ukreni.

Fl-aħħar sigħat ukoll instemgħu l-isplużjonijiet ġodda fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u fejn ir-residenti jinsabu kontinwament fuq allert għall-attakki mill-ajru tar-Russi.

Kien hemm anki splużjonijiet fi bnadi oħra tal-Ukrajna, bis-sistemi għal kontra l-attakki mill-ajru jwaqqgħu kważi l-missili kollha sparati lejn iċ-ċentru tal-kapitali.

Madankollu, il-belt ta’ Sumy, fin-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna, sofriet l-għexieren tal-isplużjonijiet taħt il-bumbardamenti tar-Russi u fejn irriżultaw diversi midruba u ħsarat fl-infrastruttura.

Dan waqt li l-missili cruise tar-Russi laqtu mitjar viċin il-belt Ukrena ta’ Kropyvnytsky – bir-Russi jikkonċentraw ukoll l-attakki fuq l-ibliet ta’  Berdyansk and Melitopol, fin-naħa t’isfel tal-Ukrajna, u minfejn ma ħarġux dettalji dwar vittmi jew ħsarat.