Formula 1 Sport

Max Verstappen jikseb il-ħames rebħa tal-istaġun fil-Grand Prix ta’ Spanja

Is-sewwieq ta’ Red Bull rebaħ il-ħames tellieqa tiegħu dan l-istaġun hekk kif temm fl-ewwel post fil-Grand Prix ta’ Spanja bil-ħin ta’ 1:27:57.940.

Din hija t-tielet rebħa konsekuttiva tas-sewwieq Olandiż, kif ukoll l-40 rebħa fil-karriera impressonanti tiegħu. Verstappen kompla jkabbar il-vantaġġ tiegħu fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa biex b’hekk jinsab 53 punt iktar minn sieħbu ta’ l-istess tim Sergio Perez.

Iż-żewġ sewwieqa ta’ Mercedes Lewis Hamilton u  George Russell temmew fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Carlos Sainz ta’ Ferrari spiċċa t-tellieqa fir-raba’ post, filwaqt li Sergio Perez ta’ Red Bull temm fil-ħames post.  Iż-żewġ sewwieqa ta’ Aston Martin Lance Stroll u Fernando Alonso temmew fis-sitt u seba’ post rispettivament. Wara l-prestazzjoni tajba tiegħu f’Monaco, Esteban Ocon ta’ Alpine ma rnexxielux jżomm il-forma tiegħu din id-darba u temm fit-8 post, b’ Zhou Guanyu ta’ Alfa Romeo u Pierre Gasly ta’ Alpine okkupaw l-aħħar żewġ postijiet mill-ewwel għaxra.