Lokali

Mistoqsija Parlamentari ta’ Mark Anthony Sammut tkompli tikxef l-abbużi ta’ diversi Ministri

Issa saret prassi mill-aktar komuni għall-Ministri tal-Gvern ta’ Robert Abela li jagħmlu minn kollox biex jaħbu l-veritajiet madwarhom… fosthom kif mhux biss qed jitħanżru u jiffangaw, iżda jinvestu fin-nies mid-Distretti Elettorali rispettivi tagħhom billi jagħtuhom impjiegi fl-istess entitajiet li jiffurmaw id-dekasteru rispettiv tagħhom.

Fil-ġimgħat li għaddew id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministri dwar l-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda fid-dekasteru rispettiv tagħhom u mil-liema lokalitajiet dawn il-ħaddiema kienu ġejjin.

Wara ħafna tqanżih, wieġbu xi Ministri – għax mhux kollha – bdew iwieġbu din il-Mistoqsija Parlamentari. Oħroġ il-għaġeb Ministri bħal Anton Refalo, Byron Camilleri, Silvio Schembri u Miriam Dalli l-aktar li jispikkaw għall-mod kif fl-entitajiet li huma responsabbli għalihom huma daħħlu l-akbar ammont ta’ nies li jiffurmaw id-Distretti Elettorali tagħhom.

Iċ-ċifri u l-fatti li joħorġu minn dawn it-tweġibiet għal dawn il-Mistoqsijiet Parlamentari, juru bl-aktar mod ċar kif qed isiru l-affarijiet minn Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela li minn issa diġà qed jaħsbu għall-futur.

Dan biex ma mmorrux pass lil hinn fejn anki fil-livell ta’ promozzjonijiet – kif ġara ferm tajjeb fi Transport Malta u f’entitajiet oħrajn tal-Gvern – diversi huma dawk il-Ministri li għal darba oħra qed jinvestu f’nies mid-Distretti Elettorali tagħhom u jieħdu huma dawn il-promozzjonijiet… anki jekk inkapaċi, illitterati u jabbużaw mill-ħinijiet tax-xogħol! Imma l-importanti li jkunu mid-Distrett tal-Ministru!