Lokali

Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass quddiem l-għoli tal-ħajja li hija realtà li qiegħda tolqot ħażin lil kulħadd

“Fil-pajjiż hawn problema serja li qed tkompli tikber… din hi l-għoli tal-ħajja li fiha nnifisha qed tkompli tnaqqas mill-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Inutli l-Gvern ta’ Robert Abela li jagħmel dak kollu li jista’ biex jinjora din il-problema meta din hija sitwazzjoni mill-aktar realistika li kull individwu u kull familja qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħha kuljum.

“Illum tmur tixtri u prodott ‘X’ issibu mmarkat mod. Tmur tixtri mill-istess ħanut il-ġimgħa ta’ wara u l-istess prodott ‘X’ issibu mmarkat ogħla. X’qed jiġri f’dan il-pajjiż? U għaliex il-Gvern ta’ Robert Abela mhux konxju minn dak li qed jiġri? Għaliex Robert Abela mhux kapaċi jikkontrolla l-għoli tal-ħajja?”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ Il-Mument id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg, li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Għoli tal-Ħajja.

Albert Buttigieg fisser li biex pajjiżna jibdel ir-rotta dwar il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja allura jrid jibda billi l-Gvern ta’ Robert Abela jkun umli biżżejjed li jibda jsaħħaħ dawk is-setturi kollha li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista.

Jeħtieġ li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Hemm bżonn ukoll li l-allowance tal-COLA ma jkunx taxxabbli. Dan filwaqt li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja.

Barra minn hekk għandu jitwaqqaf Fond Nazzjonali b’baġit annwali lil min iħaddem biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.

Albert Buttigieg kompla li kull stħarriġ li sar fl-aħħar żminijiet dejjem kien jindika li l-faqar f’pajjiżna qiegħed ikompli jiżdied u b’dan m’għandu jieħu gost jew pjaċir ħadd. “Anqas jekk ikollna madwarna persuna waħda biss li tkun tgħix fil-faqar m’għandna għalfejn nieħdu gost, aħseb u ara li jkollna għexieren ta’ eluf ta’ persuni li jew ikunu qed jgħixu direttament fil-faqar, jew inkella jkunu fir-riskju tal-faqar.”

Hu kompla li min quddiem din ir-realtà kattiva jgħid mod ieħor mhux qiegħed ikun onest mal-poplu Malti u Għawdxi.

Hu qal li hu apprezza dak li ftit tax-xhur ilu qal il-Ministru Clyde Caruana meta kien iddikjara li xirja li qabel kienet tiswa €220, din saret tiswa €290, żieda ta’ €70 aktar.

Fil-fatt jekk wieħed jara dak li hu magħruf bħala l-Harmonized Index of Consumers Prices, isib li, filwaqt li fl-2022 (sena l-oħra) r-rata tal-għoli tal-ħajja kienet ta’ 4.2 fil-mija, din is-sena wara, preċiżament fi Frar li għadda, din telgħet  għal 7 fil-mija.

Dan kollu seħħ minħabba żieda kemm fil-prodottti tal-ikel magħmula mill-ħalib, laħam u xorb mhux alkoħoliku u anke ż-żieda fl-ikel fir-restoranti.

Filwaqt li qal li d-difensuri tal-Gvern jgħidu li din iż-żieda hija xorta inqas minn dik ta’ pajjiżi fl-Ewropa. Albert Buttigieg fisser li  għalkemm dan huwa minnu imma dan ġej mill-fatt li l-Gvern qed jagħti sussidju qawwi fuq l-enerġija u l-fjuwil. Fil-fatt, jekk ieqaf dan is-sussidju, ir-rata tal-inflazzjoni tkun ferm akbar.

Hu kompla li l-istess apoloġisti tal-Gvern għal dawn iż-żidiet fil-prezzijiet iwaħħlu fil-gwerra ta’ bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Għalkemm dan huwa fattur li ma nistgħux ma neħdux inkonsiderazzjoni, imma wieħed ma jistax jibqa’ jinħeba warajh u jġibu bħala skuża.

Għalkemm il-Gvern Laburista dejjem jipprova jqabbel ir-rata tal-inflazzjoni tagħna ma’ dik f’pajjjiżi oħra Ewropej u donnu jwassal il-messaġġ biex tikkunslaw għaliex f’pajjiżi oħra huma ferm agħar, imma l-istess Gvern jonqos li jkompli jqabbel il-pagi/salarji/purchasing power ma’ ta’ ċittadini Ewropej ma’ tal-ħaddiema Maltin.

Hawnhekk hu qal li minn Mistoqsija Parlamentari li saret lill-Minsistru Clyde Caruana, ħareġ li hawn 134,662 ħaddiem Malti li jibqagħlu inqas mill-paga media ta’ €21,156 u dan qabel il-ħlas tat-taxxa/bolla!

Hu fisser li issa, skont stħarriġ mill-GWU/Alleanza Kontra l-Faqar/Graffiti, instab li kopja b’ulied wieħed għandhom bżonn €25,746 biex ikollhom għajxien diċenti! Dan ifisser li hawn ħafna li qed iħossu l-għoli tal-ħajja.

Mhux biss.  Fl-istħarriġ tal-NSO fl-2022 kien hawn 103,329 persuna f’riskju ta’ faqar u eskluzzjoni soċjali. U hawn toħrog mhux biss l-ingustizzja soċjali imma anke l-ipokrezija tal-Gvern Laburista. Filwaqt li hawn min qiegħed mejjet għal qatra, hawn oħrajn li fi kliem xi ħadd ‘kulħadd qed jitħanzer’! 

Hu kompla li min-naħa l-oħra l-Ministru Clyde Caruana stqarr li l-infazzjoni mhix waħda għolja minħabba s-sussidju qawwi li l-Gvern qed jagħti fuq l-enerġija tad-dawl u l-fjuwil. Filwaqt li dan is-sostenn hu wieħed fil-prinċipju tajjeb u hemm pajjiżi oħra li qed jagħmlu dan, hu staqsa jekk is-sussidju ta’ miljuni hux wieħed sostenibbli, jiġifieri nistgħu nibqghu naffordjawh għal snin li ġejjin? 

Hu staqsa wkoll jekk dan is-sussidju hux se jkompli jgħolli d-dejn nazzjonali li skont l-NSO reġa’ żdied ukoll? Staqsa jekk il-fatt li dan is-sussidju qed jingħata lil kulħadd – carpet approach – allura dan huwa ġust soċjalment?

Jekk se jitkompla jingħata lil kulħadd mhux se nwasslu l-messaġġ li ma hawnx problema ta’ energija u allura wieħed jibqa’ joħlom li kollox miexi sew meta fil-fatt mhux, u dan jista’ jwassal għal ħala?

Albert Buttigieg fakkar li fil-manifest tal-PN, il-Partit kien wiegħed li jagħmel fond ta’ għajnuna lill-importaturi biex b’hekk jikkontrollaw l-ispejjeż tal-importazzjoni u dawn jispiċċawx iggorruhom il-konsumatur. Nemmen li dan huwa mod wieħed biex jitrażżan l-ghħoli tal-ħajja fid-dawl li l-prodotti tagħna huma kważi impurtati.

Għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala biex ikollna l-prodott Malti. Barra li l-prodott tal-bdiewa/raħħal tagħna hu aktar bnin imma hu mod ieħor biex ikollna ikel orħos.  Imma biex jiġri dan irridu mhux biss nagħtu s-sostenn lill-bdiewa u lir-raħħala imma wkoll inħarsu l-kampanja u l-ambjent!

Hu temm li jidher ċar li l-għoli tal-ħajja qed jolqot fil-livell tal-għajxien taċ-ċittadini tagħna. Jihder ċar li hawn min hu mejjet għal qatra u hawn min hu mejjet fis-sakra.

Hi r-resposabbilà tal-politiċi onesti li jaraw li min hu fis-sakra jieqaf jitħanżer u min  hu mejjet għal qatra jingħata l-appoġġ kollu meħtieg. Il-ħajja diċenti hi dritt u mhux pjaċir.