Sport Sport Ieħor

Snooker: Għada jibda l-Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Albena l-Bulgarija

Wara li f’Marzu li għadda f’Malta saru l-aktar kategoriji importanti tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker, it-Tnejn f’Albena, l-Bulgarija, il-European Billiards & Snooker Association tibda bl-organizazzjoni ta’ numru ta’ kategoriji oħra fejn tmien plejers Maltin ser ikunu qed jieħdu sehem.

F’dawn il-kampjonati ser isiru b’kollox sitt kategoriji differenti li huma dawk tas-Seniors tal-Irġiel, li jintlagħbu bejn il-5 u d-9 ta’ Ġunju, is-6 Reds Individwali bejn it-8 u l-11 ta’ Ġunju, ix-Shoot Out Individwali li ssir fuq jumejn, fil-11 u t-12 ta’ Ġunju filwaqt li l-ġimgħa d-dieħla bejn it-12 ta’ u s-17 ta’ Ġunju jsir il-Kampjonat miftuħ għat-timijiet kemm tal-Irġiel kif ukoll tas-Seniors fejn Malta ser tkun irrappreżentata b’erba’ timijiet, tnejn f’tal-Irġiel u tnejn tas-Seniors.

Ma dawn insibu wkoll il-kategorija tan-nisa pero’ li fiha Malta ma tieħux sehem.

It-tmien plejers Maltin li ser jieħdu sehem matul dawn it-tlettax-il ġurnata ta’ kompettizjonijiet ser ikunu, ċ-champion lokali Aaron Busuttil, li ser ikun qed jipparteċipa kemm fis-6 Reds u anke fix-Shoot Out, filwaqt li miegħu f’Team A ser ikollu lil Isaac Borg.

Missier Isaac, il-veteran, Alex Borg ser jieħu sehem fil-kompetizzjonijiet individwali kollha kif ukoll f’Team A tas-Seniors tal-Irgiel flimkien ma’ Duncan Bezzina li minn naħa tiegħu ser ikun qed jilgħab għax-Shoot Out ukoll.

Arthur Cachia u Philip Ciantar, li bħal Alex ser jibdew l-impenji tagħhom kmieni waqt il-kategorija tas-Seniors Individwali, ser ikunu l-koppja li jiffurmaw Team B fil-kategorija tas-Seniors filwaqt individwalment ser jieħdu sehem ukoll fis-6 Reds.

It-tim l-ieħor fil-kategorija tal-irġiel ser ikunu Chris Peplow u Joseph Casha fejn Peplow ser jieħu sehem fix-Shoot Out ukoll.

Iż-żewġ plejera li għandhom il-logħob f’din l-ewwel ġurnata huma Philip Ciantar, li ser jilgħab kontra l-Bulgaru, Boris Lazarkov filwaqt li l-avversarju ta’ Arthur Cachia ser ikun Michael Peyr tal-Awstrija. Alex Borg peress li jinsab fi grupp bejn tlieta biss l-ewwel logħba tiegħu tkun it-Tlieta.

Dawn il-kampjonati jiġu fi tmiemhom is-Sibt 17 ta’ Ġunju.