Lokali

“Gvern li għejja: Ma jafx kif se jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess” – PN

Fi stqarrija ppubblikata minn Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi sostna li Clyde Carauna kien qal li sal-2040, jekk nibqgħu nadottaw il-politika ekonomika li ħoloq hu stess, pajjiżna jrid ikollu popolazzjoni ta’ madwar 800,000. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif din hi problema li mhux biss ħoloq imma hu stess kien il-pjunier tagħha.

Kważi sena ilu, Clyde Caruana stess kien ammetta li l-mudell ekonomiku li hu imbotta u li kien pjunier tiegħu falla u qal: “f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-ħajja, l-iżvilupp ekonomiku jrid jinbidel … it-tip ta’ tkabbir ekonomiku li jkollna f’dan il-pajjiż (irid) ikun differenti … u ma nistgħux inkomplu bl-istess riċetta”.

B’ammissjoni tiegħu stess, il-mudell ekonomiku mibni fuq konsum sfrenat mingħajr valur miżjud, ibbażat fuq iż-żieda tal-popolazzjoni mingħajr ippjanar, ironikament fl-aktar pajjiż densely populated fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u naturalment bil-problemi kollha li dan ġab miegħu, madwar sena ilu qalilna li jrid jinbidel.
Għaldaqstant, wieħed kien jistenna li fl-aħħar xhur, Clyde Caruana kien se jindikalna l-viżjoni tiegħu fit-tul, b’mudell ekonomiku ġdid. Kellu opportunità li lill-poplu Malti u Għawdxi jindikalu il-fejn se nieħdu dan il-pajjiż, il-fejn irridu mmorru.

Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin stennew lill-Gvern jgħid x’niċeċ ġodda fl-ekonomija se jkunu qed jinħolqu. X’investiment se jkun qed isir f’industry verticals eżistenti? X’tip ta’ value added jobs għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin se jkunu qed jinħolqu? X’tip ta’ setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? Fuq kollox, x’viżjoni se jkun qed joħloq għaż-żgħażagħ tagħna biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar?
Għaddew il-ġimgħat u x-xhur u ma smajna assolutament xejn. Il-politika ekonomika tal-Gvern ma tindirizzax il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek. Agħar minn hekk, mhux talli l-Gvern m’għandux ideat għall-ekonomija ta’ għada, talli jidher li qata’ qalbu li jsolvi l-problemi li qed jgħaffġu fuq il-familji u n-negozji Maltin ta’ kuljum. Il-problema tat-traffiku, it-tniġġis, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, il-pazjenti f’kurituri, in-nuqqas ta’ meritokrazija, in-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ pjanar fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi sostna li Clyde Caruana u l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandhomx idea kif se jsolvu l-problema li ħolqu huma stess, anzi se jkomplu jkabbruha.

Il-Partit Nazzjonalista, għal numru ta’ drabi, ippreżenta l-pjanijiet tiegħu biex jindirizza din l-isfida tal-għoli tal-ħajja, fosthom:

– Li jissaħħu s-setturi li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista;– Li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna;– Li jinħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda;– Li l-allowance tal-COLA ma tkunx taxxabbli;

– Li l-Gvern għandu jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja;– Fond Nazzjonali b’budget annwali ta’ €40 miljun biex jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti mal-Gvern ta’ Robert Abela biex jiffoka fuq l-isfidi kbar li l-poplu qed jiffaċċja llum stess u jieħu azzjoni minnufih. Minflok jibqgħu jitħanżru minn flus il-poplu, aħjar jiffokaw fuq kif se jindirizzaw l-isfida kbira tal-għoli tal-ħajja.