Lokali Parlament

Il-gvern jippreżenta stimi tal-2019 flok tal-2023 fuq l-art tal-Edible Oil fil-Marsa

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna fil-parlament li ma kinx possibbli li l-gvern iġib stimi tal-2023 fuq l-art tal-Edible Oil fil-Marsa biex titneħħa kundizzjoni u jkun possibbli li din l-art tingħadda lill-privat biex fuqha jsir proġett kbir.

Il-Ministru Silvio Schembri spjega li r-riżoluzzjoni dwar trasferiment tal-propjetà titratta sit konsiderevoli propjetà privata fil-Marsa fejn kien hemm il-fabbrika Edible Oil ħdejn ir-Residenza San Vinċenz fil-Marsa.

Illum konsorzju qed jipproponi investiment qawwi f’żona li hi abbandunata f’sit mibni li llum hu disturbat. Fl-operat ta’ dan il-post kien hemm il-kundizzjoni li meta dan ingħata fis-sittinijiet kienet li parti minnu jkun razzett tat-tiġieġ u parti oħra tibqa’ miftuħa. Din kellha ssir pjazzetta għall-immaniġġjar tal-karozzi minħabba dak iż-żmien it-triq kienet arterjali iżda illum il-ġurnata ġiet sekondarja.

Hu qal li llum dan il-proġett ta’ razzett ma jagħmilx sens u għalhekk qed ssir riżoluzzjoni biex titħallas somma ta’ €2 miljuni u jitneħħew dawn il-kundizzjonijiet.

F’dan il-proċess tqabbdu tliet periti indipendenti li għamlu rapport biex jitħallas ammont ta’ darba biex jitneħħew il-kundizzjonijiet u l-proġett multi-miljunarju propost isir. Irid ikun il-kabinet tal-ministri li jiddeċiedi jekk imexxix dan il-proġett.

Il-Ministru Schembri qal li l-Kumitat Parlamentari għall-Verifika iddiskuta din ir-riżoluzzjoni iżda ma kien hemm qbil għaliex l-Oppożizzjoni ivvutat kontra qbil fuq dan il-proġett. Għalhekk issa dan il-proġett ikun diskuss fil-parlament.

Hu kompla li l-gvern ma setax jaċċetta t-talba tal-Oppożizzjoni biex jerġgħu jsiru l-istimi minħabba li ma kienx hemm qbil dwar dan. Dan għaliex dan il-proċess jieħu ħafna żmien, sostna l-Ministru Schembri, li kompla li l-gvern talab lill-Oppożizzjoni biex tressaq l-istimi tagħha iżda rrifjutat. Għalhekk il-gvern ma setax jaċċetta din it-talba biex il-proċess jitwaqqaf, sostna l-Ministru Schembri, li qal li l-istimi biex titneħħa l-kundizzjoni saru fl-2020 fuq is-sena il-prezzijiet tal-2019.

Silvio Schembri kompla li l-Gvern m’aċċetttax il-proposta tal-Oppożizzjoni u sostna li l-Gvern mhux jifhem għaliex l-Oppożizzjoni qed tikkritika l-vlautazzjoni li saret.