Lokali Parlament

Il-gvern naqas li jġib valutazzjonijiet ġodda; abbużi kbar fl-Awtorità tal-Artijiet

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Il-Whip tal-Oppożizzjoni d-deputat Nazzjoalista Robert Cutajar sostna fil-parlament li l-gvern naqas li jġib valutazzjoni li tirrifletti l-prezzijiet tal-art tal-2023 fir-riżoluzzjoni dwar l-art tal-Edible Oil fil-Marsa.

Robert Cutajar qal li r-raġuni li l-Oppożizzjoni qajmet fil-Kumitat tal-Verifika ma kinitx frivola għaliex l-Oppożizzjoni kienet qed titkellem fuq flus il-poplu.

Il-Gvern m’għandux ikun galantom bi flus il-poplu, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-Gvern ma kellux isib diffikultà li jmur lura u jirritorna quddiem il-parlament u jipprovdi l-istimi. Il-Gvern baqa’ jinsisti fuq id-deċiżjoni tiegħu u kien ineħħi kull dubju kieku ġab il-valutazzjonijiet reali tal-lum.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dak li qed isir fl-Awtorità tal-Artijiet qed joħloq suspetti u staqsa x’kienet il-problema li l-Kumitat tal-Verifika jerġa’ jitlaqqa’ b’urġenza. L-Oppożizzjoni trid tibgħat messaġġ, sostna Robert Cutajar, li staqsa lill-Ministru tal-Finanzi jekk jittollerax dawn is-sitwazzjonijiet.

Hu qal li l-Ministru tal-Finanzi qed jibgħat messaġġi ċari dwar l-ekonomija tal-pajjiż iżda l-istess ministru għandu jara jekk din il-valutazzjoni tal-art kinitx ġusta.

Uħud mill-offerti fl-Awtorità tal-Artijiet qed joħolqu dubji kbar, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-gvern naqas li jerġa’ jipprovdi ċ-ċifri f’dan il-każ. B’liema dritt il-gvern ipoġġi valutazzjoni ta’ erba’ snin iu? staqsa d-deputat Nazzjonalista, li qal li fl-Awtorità tal-Artijiet qed isiru ħniżrijiet; hemm kankru u sitwazzjoni tal-biża’ fejn qed jinsteraq il-poplu Malti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern baqa’ jinsisti fuq stima ta’ erba’ snin ilu u sostna li fi żmien xahar il-periti tal-Awtorità tal-Artijiet setgħu taw reviżjoni tal-valutazzjoni. Iċ-ċifri li qed jagħti l-gvern issa ma tressqux quddiem il-Kumitat tal-Verifiċi, sostna Robert Cutajar, li appella lill-Ministru tal-Finanzi biex ma jħallix dan il-każ għaddej.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li hemm nuqqas ta’ trasparenza fl-Awtorità tal-Artijiet u kompla li qed isiru abbużi kbar minn flus il-poplu b’offerti tal-mistħija.