Lokali Parlament

Il-kultura ta’ saħħa u sigurtà tmur ‘l hinn mill-postijiet tax-xogħol

Stanley Zammit, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit tkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Estimi dwar l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u qal li l-kultura ta’ saħħa u sigurta tmur ‘l hinn mill-postijiet tax-xogħol.

L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtà hi l-qalb u l-magna prinċipali ta’ ekosistema li għandha l-għan li tissaħħaħ is-sigurtà u ma tiddgħajjifx is-saħħa fuq il-postijiet tax-xogħol; li ma jkollniex inċidenti, li jistgħu jiġu evitati u li jistgħu jħallu effet fuq in-nies fil-postijiet tax-xogħol.

Bla dubju kien hemm titjib f’dan il-qasam speċjalment f’kampanji speċifiċi u biex jiġu infurzati jew introdotti direttivi Ewropej bħal-Lighten the Load.

Hu qal li hija ħasra hafna akbar u ma tinftiehemx meta jkollna l-Prim Ministru li jkompli jwebbes rasu u ma jaċċettax li bhal fil-każ ta’ Jean paul Sofia ma ssirx inkjesta pubblika li minnha stajna niddederminaw in-nuqqasijiet tas-sistema u nitgħallmu minn dak li ġara. Għaliex Prim Ministru?

Jinħass il-bżonn li l-OHSA iżżid l-isforzi tagħha fl-edukazzjoni u fl-għarfien, inkluż fit-taħriġ u fl-assistenza fl-industriji varji tar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà.

L-Awtorità għandha tara li tissimplifika kemm tista’ il-proċessi u jkollha u timmassimizza r-riżorsi diġitali biex il-ħaddiema jkunu aktar effettivi u effiċjenti, speċjalment fil-komunikazzjoni mal-istakeholders.

Hu qal li kien hemm erba’ kazijiet fatali matul l-2022 fejn l-inċidenti saru waqt jew bħala riżultat ta’ attività li mhijex regolata mill-Att tal-OHSA u allura ma ġewx investigati mill-Awtorità.

Bla dubju li r-riżorsi umani huma l-aktar partijiet importanti ta’ din il-magna u l-ispiża u l-investiment fir-rizorsi umani huma indikazzjoni importanti.

Waħda min-nuqqasijiet li din l-ekosistema għandha hu n-nuqqas ta’ definizzjoni u l-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà u awtoritajiet oħrajn, fosthom dik tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.

Sena wara li l- Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħadet post il-Building Regulation Office, dawn il-parametri għadhom ma ġewx iċċarati. Hu important ħafna li jkun hemm standard wieħed u sett wieħed ta’ regolamentazzjoni u mhux kull Awtoritaà jkollha tagħha u nippretendu li dak li jkun irid issegwi settijiet differenti b’interpretazzjonijiet differenti. L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà trid tara li din l-ekosistema taħdem b’mod sinkronizzat u ħolistiku.

Iddeputat Nazzjonalista qal li kif osserva l-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali jeħtieġ li tigi riviżitata il-filosfija tal-Awtorità. Imma mhux biss. L-Awtorità għandha tinvesti f’ħafna aktar riċerka u mezzi biex tkejjel lilha fnfisha u l-ekosistema b’mod ħolistiku u tidditermina l-oqsma fejn dawn huma dgħajfa.

Biex tmur għal metodoligija ta’ self regulation din l-Awtorità trid tħares ħafna aktar b’mod ħolistiku biex mhux biss ikollna s-saħħa u s-sigurtà imma ngħixu s-saħħa u s-sigurtà. Kultura ta’ saħħa u sigurtà tmur ‘l hinn mill-postijiet tax-xogħol.