Lokali

Il-Labour ma jafx kif se jsolvi l-problema taż-żieda qawwija fil-popolazzjoni li ħoloq huwa stess

Il-poplazzjoni ta’ Malta tista tiżdied sa minimu ta’ 800,000 persuna sal-2040.

Hekk sostna l-Ministru Clyde Caruana, eks Chairperson tal-Aġenzija Jobs Plus illi insista li hemm bżonn bidla fil-mudell ekonomiku preżenti – l-istess mudell ekonomiku li hu kien wieħed mill-promoturi ewlenin tieghu.

Clyde Caruana fis-snin li għaddew kien jisħaq dwar il-bżonn li jiżdiedu l-ħaddiema barranin f’Malta, mhux biss mill-Unjoni Ewropea iżda anke lil’hinn.

Issa, Caruana jrid riforma wara li t-tbassir qiegħed jindika li grazzi għall-ekonomija li mexxa hu stess b’tant pompa se jkun qiegħed iwassal għal 55% żieda fil-popolazzjoni – f’temp ta’ 17-il sena.

Esperti kemm-il darba spjegaw li l-akbar żball li twettaq fl-aħħar 10 snin huwa l-fatt li Gvern tal-Labour ma ħasibx biex jakkomoda din iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni; madwar 100,000 persuna. Dan ifisser li t-toroq m’humiex ilaħqu mat-traffiku, is-sistema tad-drenaġġ mhux tlaħħaq mad-domanda, u s-settur tas-saħħa assolutament mhux ilaħħaq ma’ din iż-żieda fil-popolazzjoni. Bil-membri tal-Gvern għadhom bla pjan, u bla soluzzjonijiet.

Għalkemm skont is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett – huwa qed jieħu gost b’din l-hekk imsejħa  “abbundanza”.

It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lid-Deputati ta’ Robert Abela, Chris Bonett u Rebecca Buttigieg dwar il-bżonn li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid – kif ilu jisħaq il-Partit Nazzjonalista.

Buttigieg minn naħa tagħha semmiet l-investiment li sar fl-aħħar snin f’numru ta’ oqsma, fejn irreferiet għal dak li sejħet “investiment” li sar fis-settur tas-saħħa. Settur li spiċċa għarkupptejh, bil-pazjenti mitfugħa f’canteen u librerija konvertiti fi swali, għaliex il-Gvern ma ħasibx għaż-żieda qawwija fil-popolazzjoni – għaliex minflok investa fi sptar ieħor kif dam iwiegħed is-snin, berbaq il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro minn flus il-poplu f’deals frawdolenti. Bl-infermieri u l-pazjenti jsofru l-konsegwenzi.

Huma saħqu li n-nies jafu x’sar fil-qasam tas-saħħa. Iżda kull min jaħdem f’dan is-settur…u kull min huwa parti mit-8,000 persuna fil-lista ta’ stennija għal operazzjonijiet li ilhom ix-xhur jistennew, jafu li ċertament f’dan il-qasam il-Gvern ta’ Abela falla kompletament.

Il-verita hi….li mir-risposti li ingħatajna jidher ċar li l-mudell ekonomiku l-ġdid tal-Gvern għadu misteru ieħor, u huwa biss kliem fieragħ. Bil-poplu wara 10 snin għadu jistenna fil-kjuwiet, fit-traffiku u f’ambjent fgat bil-kostruzzjoni u l-ansjetà.