Lokali

Il-maġġoranza tan-nies “huma imxebba” – Joe Farrugia

“L-inċident li seħħ ftit tal-jiem ilu fil-Belt Valletta .. fejn resident mexa fuq l-parir tal-Viċi Sindku Ray Azzopardi u spiċċa biex tefa’ barmil ilma fuq in-nies li kienu qed jikkawżaw l-istorbju fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu…. seta’ kellu konsegwenzi ħafna agħar. Filfatt dan jista’ jkun il-bidu għal diversi inċidenti ferm aktar serji fil-futur.”

Dan qalu Joe Farrugia, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers’ Association permezz ta’ artiklu ppubblikat fit-Times fejn sostna illi filwaqt illi jissimpatizza bis-sħiħ mar-resident Belti li ma setax jagħlaq għajn m’għajn minħabba l-istorbju li kien għaddej fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu….. dan l-episodju seta’ jkollu konsegwenzi gravi. Dan minħabba li persuna xurbana setgħet facilment tirreaġixxi b’mod imprevedibbli u l-affari kollha setgħet tispiċċa fi traġedja.

Joe Farrugia saħaq li dan huwa inċident li mistenni li jerġa jiġri, kemm fil-Belt kif ukoll f’partijiet oħra ta’ Malta. Dan għaliex uħud qed iħossuhom ingannati mill-hekk imsejħa forzi tal-liġi – minħabba diversi raġunijiet.

Farrugia sostna li l-ilmenti tan-nies juru li min suppost qiegħed jiġi fdat u mħallas sabiex jipproteġi s-soċjetà  jista’ fil-fatt ikun f’kunflitt ma’ nies b’saħħithom u kriminali, b’hekk l-ebda azzjoni mhix titieħed …u r-residenti mhux qed jiġu salvagwardjati.

Kien is-sena l-oħra meta l-Gvern impona Avviż Legali dwar id-daqq tal-mużika sas-1am fil-Belt Valletta, bi stħarriġ li kien sar wera li madwar 60% ta’ dawk illi pparteċipaw wieġbu li ma jaqblux ma’ dan il-pass egoistiku tal-Gvern. Minħabba dan il-fatt, in-nies spiċċaw jemmnu li l-uniku mod biex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom huwa li jieħdu l-liġi f’idejhom.

Fit-Times Joe Farrugia tenna li dan l-inċident, flimkien ma’ diversi skandli oħra tal-Gvern qed juri li f’pajjiżna … 15% tal-popolazzjoni Maltija jinsabu privileġġjati b’pagi esagerati u f’pożizzjonijiet mingħajr mertu, b’immunità assoluta għall-ġustizzja, u permessi tal-bini atroċi. Dan filwaqt li l-bqija tal-popolazzjoni li tlaħħaq il-85% jinsabu mxebba dwar il-kultura ta’ impunità li qiegħdha tirrenja f’pajjiżna.

Farrugia sostna li r-realizzazzjoni li ħafna drabi s-sistema mhix taħdem favur dawk li huma onesti – kemm jekk huma ħaddiema, professjonisti, negozjanti, pensjonanti jew anke żgħażagħ – qed tiġġenera sens ta’ stmerrija u xettiċiżmu fl-istituzzjonijiet. U għalkemm fil-wiċċ jista’ jidher li ħafna huma rassenjati għal dan id-destin, Farrugia insista li dawn l-ilmenti jistgħu jwasslu għal diżastru sħiħ.