Lokali Parlament

Il-PN mhux kontra investiment iżda jrid valutazzjoni ġusta tal-istimi tal-art

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-PN mhux kontra investiment mill-privat iżda jrid valutazzjoni ġusta tal-istimi tal-art fil-każ tal-proġett propost għaż-żona fejn kien hemm l-Edible Oil fil-Marsa.

Toni Bezzina qal li l-Oppożizzjoni hi favur is-settur privat u trid tara li jkun hemm l-istess prezzijiet għall-investimenti bil-prezzijiet tal-ġurnata u mhux ta’ erba’ snin ilu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fl-istima peritali fuq l-art tal-Edible Oil saret minn tliet periti biex titneħħa l-kundizzjoni ta’ art 28,500 metru kwadru li l-istess art setgħet tintuża biss għal razzett tat-tiġieġ u biex issa din tintuża għal żvilupp kummerċjali. L-istima, li hemm min jgħid li hi suġġettiva, saret fuq valur tal-art tal-2019.

Il-periti huma marbutin li fl-istima jsir xebħ ma’ art bl-istess kundizzjonijiet. Din l-istima trid tinħareġ f’perjodu ta’ mhux iktar minn tliet ġimgħat; dan biex il-prezz tal-art ma jinbidilx.

F’dan il-każ, fl-istess stima ingħad li din il-valutazzjoni tirrifletti l-valur tal-propjetà fl-2019. Dan hu l-punt ta’ kontestazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, għaliex l-Oppożizzjoni mhix kontra żvilupp ta’ €24 miljun.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-periti raw sitt propjetajiet kummerċjali fl-istess żoni u ħarġu prezz ta’ art kummerċjali fl-2019. Hu qal li fl-aħħar erba’ sin kull art, anki dik agrikola, żdied fil-prezz. Fuq sena waħda biss bejn l-2020 u l-2021 kien hemm żieda ta’ 5% fil-prezz.

Toni Bezzina qal li l-Oppożizzjoni mhix taqbel hi li kif stqarru l-periti, huma ntrabtu ma’ artijiet komparabbli ma’ propjetà fl-2021, erba’ snin ilu. Għalhekk dak li jrid isir hu li ssir reviżjoni tal-propjetà bil-prezzijiet tal-lum.

Toni Bezzina qal li r-reviżjoni tista’ ssir fi ftit siegħat mill-istess periti li ħadmu l-istima.